Kostituzzjoni ta’ Malta
21 ta' Settembru 1964[1]
KAPITOLU I - Ir-Repubblika ta' Malta
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.2.
Ir-Repubblika u t-territorji tagħha. (art. 1)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.3. Emendat: IV. 1987.2.
1.* (1) Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu.
(2) It-territorji ta' Malta jikkonsistu f'dawk it-territorji kompriżi f'Malta minnufih qabel il-ġurnata stabbilita, magħduda l-ibħra territorjali tagħhom, jew dawk it-territorji u ibħra li l-Parlament jista' minn żmien għal żmien jistabbilixxi b'liġi.
(3) Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta' non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f'kull alleanza militari. Dan l-istatus jimplika b'mod partikolari, illi:
- (a) l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti;
- (b) l-ebda faċilitajiet militari f'Malta ma jitħallew jiġu wżati minn xi forzi barranin ħlief fuq talba tal-Gvern ta' Malta, u biss fil-każi li ġejjin:
- (i) fl-eżerċizzju tal-jedd naturali ta' difiża leġittima f'każ ta' vjolazzjoni armata tal-area li fuqha r-Repubblika ta' Malta għandha sovranità, jew biex tieħu miżuri jew azzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda; jew
- (ii) kull meta jkun hemm theddida għas-sovranità, indipendenza, in-newtralità, l-unità jew l-integrità territorjali tar-Repubblika ta' Malta;
- (ċ) minbarra fil-każi msemmija hawn fuq, l-ebda faċilitajiet oħra f'Malta ma jitħallew jintużaw b'tali mod u b'tali miżura li jwasslu għall-preżenza f'Malta ta' konċentrazzjoni ta' forzi barranin;
- (d) minbarra fil-każi msemmija hawn fuq, l-ebda persunal militari barrani ma jitħalla fuq territorju Malti, ħlief dak il-persunal militari li jkun qed jagħmel, jew jgħin biex jitwettqu, xogħlijiet jew attivitajiet ċivili, u ħlief għadd reġonevoli ta' persunal tekniku militari li jgħin fid-difiża tar-Repubblika ta' Malta;
- (e) it-tarznari tar-Repubblika ta' Malta jintużaw għal skopijiet kummerċjali ċivili, iżda jistgħu wkoll jintużaw, f'limiti raġonevoli ta' żmien u għadd, għat-tiswija ta' bastimenti militari li jkunu tpoġġew f'qagħda li ma jistgħux jiġġieldu jew għall-bini ta' vapuri;
- u skont il-prinċipji ta' non-allineament l-imsemmija tarznari jiġu mċaħħda lill-bastimenti militari taż-żewġ superpotenzi.
Reliġjon. (art. 2)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.4
2. (1) Ir-reliġjon ta' Malta hija r-Reliġjon Kattolika Apostolika Rumana.
(2)* L-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika Apostolika Rumana għandhom id-dmir u l-jedd li jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena.
(3) It-tagħlim reliġjuż tal-fidi Kattolika Apostolika Rumana għandu jkun provdut fl-iskejjel kollha tal-Istat bħala parti mill-edukazzjoni obbligatorja.
Bandiera Nazzjonali. (art. 3)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.5.
3. (1)* Il-Bandiera Nazzjonali ta' Malta tikkonsisti f'żewġ strixxi vertikali ndaqs, bajda mal-arblu u ħamra n-naħa ta' barra.
(2) Rappreżentazzjoni tal-George Cross mogħti lil Malta mill-Maestà Tiegħu r-Re Ġorġ Sitta fil-15 ta' April, 1942 tkun qiegħda, imberfla bl-aħmar, fir-rokna tal-istrixxa l-bajda.
Innu Nazzjonali. (art. 4)
[edit]4. L-Innu Nazzjonali ta' Malta huwa "L-Innu Malti" li jibda bil-kliem "Lil din l-Art Ħelwa l-Omm li tatna isimha".
Ilsien. (art. 5)
[edit]5. (1)* L-ilsien Nazzjonali ta' Malta huwa l-ilsien Malti.
(2) L-ilsien Malti u l-ilsien Ingliż u dawk l-ilsna l-oħra li jistgħu jiġu preskritti mill-Parlament (b'liġi mgħoddija b'mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra tad-Deputati) ikunu l-ilsna uffiċjali ta' Malta u l-Amministrazzjoni tista' għall-finijiet kollha uffiċjali tuża kull wieħed minn dawk l-ilsna:
Iżda kull persuna tista' tindirizza ruħha lejn l-Amministrazzjoni f'kull wieħed mill-ilsna uffiċjali u t-tweġiba tal-Amministrazzjoni għal hekk tkun b'dak l-ilsien.
(3) L-ilsien tal-Qrati jkun l-ilsien Malti:
Iżda l-Parlament jista' jagħmel dak il-provvediment għall-użu tal-ilsien Ingliż f'dawk il-każijiet u taħt dawk il-kondizzjonijiet li jista' jippreskrivi.
(4) Il-Kamra tad-Deputati tista', meta tirregola l-proċedura tagħha, tistabbilixxi l-ilsien jew l-ilsna li għandhom ikunu wżati fi proċeduri u annotazzjonijiet parlamentari.
Il-Kostituzzjoni tkun il-liġi suprema. (art. 6)
[edit]- Sostitwit: LVII. 1974.2; LVIII. 1974.69.
6.* Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) tal-artikolu 47 u tal-artikolu 66 ta' din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma' din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
KAPITOLU II - Dikjarazzjoni ta' Prinċipji
[edit]Dritt għal xogħol. (art. 7)
[edit]7. L-Istat jirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini kollha għal xogħol u għandu jġib 'il quddiem dawk il-kondizzjonijiet li jagħmlu dan id-dritt effettiv.
Tmexxija 'l quddiem ta' kultura, eċċ. (art. 8)
[edit]8. L-Istat għandu jġib 'il quddiem l-iżvilupp tal-kultura u tat-tfittix xjentifiku u tekniku.
Salvagwardar ta' paesaġġ u patrimonju storiku u artistiku. (art. 9)
[edit]9. (1) L-Istat għandu jissalvagwardja l-paesaġġ u l-patrimonju storiku u artistiku tan-Nazzjon.
(2) L-Istat għandu jħares u jikkonserva l-ambjent u r-riżorsi tiegħu għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u għandu jieħu miżuri sabiex jindirizza kull għamla ta' degradazzjoni tal-ambjent f'Malta, inkluża dik tal-arja, l-ilma u l-art, u kull tip ta' problema ta' tniġġis u sabiex jippromwovi, irawwem u jappoġġja d-dritt għall-azzjoni favur l-ambjent.
Edukazzjoni primarja tkun obbligatorja u bla ħlas. (art. 10)
[edit]10. L-edukazzjoni primarja għandha tkun obbligatorja u fl-iskejjel tal-Istat għandha tkun bla ħlas.
Interessi edukattivi. (art. 11)
[edit]11. (1) L-istudenti kapaċi u meritevoli, ukoll jekk mingħajr risorsi finanzjarji, għandhom dritt li jilħqu l-ogħla gradi ta' edukazzjoni.
(2) L-Istat għandu jagħti effett għal dan il-prinċipju permezz ta' boroż ta' studju, ta' kontribuzzjonijiet lill-familji tal-istudenti u provvedimenti oħra fuq il-bażi ta' eżamijiet kompetittivi.
Protezzjoni ta' xogħol. (art. 12)
[edit]12. (1) L-Istat għandu jipproteġġi x-xogħol.
(2) Huwa għandu jipprovdi għat-tħarriġ professjonali jew ta' vokazzjoni u miljorament tal-ħaddiema.
Ħinijiet ta' xogħol. (art. 13)
[edit]13. (1) L-akbar numru ta' siegħat tax-xogħol kull jum għandu jkun stabbilit mil-liġi.
(2) Il-ħaddiem għandu dritt għal ġurnata mistrieħ fil-ġimgħa u għal btajjel annwali bi ħlas; huwa ma jistax jirrinunzja għal dan id-dritt.
Drittijiet ugwali ta' rġiel u nisa. (art. 14)
[edit]- Sostitwit: XIX. 1991.2.
14. L-Istat għandu jippromwovi dritt ugwali ta' rġiel u nisa li jgawdu d-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili u politiċi kollha u għal dan il-għan għandu jieħu dawk il-miżuri li jkunu ndikati biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni bejn is-sessi, minn kull persuna, organizzazzjoni jew azjenda; l-Istat għandu b'mod partikolari jimmira li jiżgura li l-ħaddiema nisa jgawdu drittijiet indaqs u l-istess pagi għall-istess xogħol bħal irġiel.
L-anqas età għal xogħol bi ħlas. (art. 15)
[edit]15. L-anqas età għal xogħol bi ħlas għandha tkun preskritta b'liġi.
Salvagwardar ta' xogħol ta' minuri. (art. 16)
[edit]16. L-Istat għandu jipprovdi biex jiġi salvagwardat ix-xogħol ta' minuri u jiżguralhom id-dritt tal-istess paga għall-istess xogħol.
Għajnuna soċjali u sigurtà. (art. 17)
[edit]17. (1) Kull ċittadin li ma jkunx kapaċi għal xogħol u li ma jkunx provdut bir-risorsi meħtieġa għall-għixien għandu dritt għal manteniment u għajnuna soċjali.
(2) Il-ħaddiema għandhom dritt għal assigurazzjoni xierqa fuq bażi kontributorja għall-ħtiġiet tagħhom f'każ ta' disgrazzja, mard, inkapaċità, xjuħija u disimpieg involontarju.
(3) Persuni inkapaċitati u persuni li ma jkunux kapaċi għal xogħol għandhom dritt għal edukazzjoni u tħarriġ ta' vokazzjoni.
Inkoraġġiment ta' intrapriża ekonomika privata. (art. 18)
[edit]18. L-Istat għandu jinkoraġġixxi l-intrapriża ekonomika privata.
Protezzjoni ta' snajja artiġjani. (art. 19)
[edit]19. L-Istat għandu jipprovdi għall-protezzjoni u l-iżvilupp tas-snajja artiġjani.
Inkoraġġiment ta' ko-operattivi. (art. 20)
[edit]20. L-Istat jirrikonoxxi l-funzjoni soċjali ta' ko-operattivi u għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp tagħhom.
Is-sehem ta' Maltin li jgħixu barra minn Malta. (art. 20A)
[edit]- Miżjud: XX. 2011.12.
20A. L-Istat għandu jiffaċilita s-sehem taċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra minn Malta fil-ħajja politika, soċjali, ekonomika u kulturali ta' Malta.
Applikazzjoni tal-prinċipji li hemm f'dan il-Kapitolu. (art. 21)
[edit]21. Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu ma jkunux esegwibbli f'xi qorti, iżda l-prinċipji li hemm fihom huma b'dan kollu fondamentali għall-iggvernar tal-pajjiż u jkun l-iskop tal-Istat li japplika dawn il-prinċipji fl-egħmil ta' liġijiet.
KAPITOLU III - Ċittadinanza
[edit]Ċittadinanza mitluba bil-liġi. (art. 22)
[edit]- Sostitwit: III.2000.2.
22. (1) Il-ksib, il-pussess, ir-rinunzja u t-telfien taċ-ċittadinanza Maltija għandhom jiġu regolati bil-liġi.
(2) Iċ-ċittadinanza doppja jew multipla hija permessa skont liġi li f'dak iż-żmien tkun fis-seħħ f'Malta.
Ċittadini tal-Commonwealth. (art. 23)
[edit]- Emendat: XLI. 1965.3; IX. 1967; XXIII. 1989.6. Rinumerat: III.2000.4.
23. (1) Kull min skont din il-Kostituzzjoni jew xi Att tal-Parlament huwa ċittadin ta' Malta jew skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'xi pajjiż li għalih dan l-artikolu jgħodd huwa ċittadin ta' dak il-pajjiż ikollu, bis-saħħa ta' dik iċ-ċittadinanza, status ta' ċittadin tal-Commonwealth.
(2) Kull min huwa sudditu Ingliż mingħajr ċittadinanza skont il-British Nationality Act, 1948 jew ikompli jkun sudditu Ingliż skont l-artikolu 2 ta' dak l-Att ikollu, bis-saħħa ta' dak l-istatus, l-istatus ta' ċittadin tal-Commonwealth.
(3) Il-pajjiżi li għalihom jgħodd dan l-artikolu huma dawk elenkati fir-Raba' Skeda li tinsab ma' din il-Kostituzzjoni.
(4) Il-President jista' bi Proklama jemenda, iżid ma', jirrevoka jew jissostitwixxi l-elenku ta' pajjiżi li hemm fir-Raba' Skeda li tinsab ma' din il-Kostituzzjoni.
Responsabbiltà kriminali ta' ċittadini tal-Commonwealth. (art. 24)
[edit]- Rinumerat u emendat: III.2000.5.
24. (1) Ċittadin tal-Commonwealth li ma jkunx ċittadin ta' Malta jew ċittadin tar-Repubblika tal-Irlanda li ma jkunx ċittadin ta' Malta ma jkunx ħati ta' reat kontra xi liġi li sseħħ f'Malta minħabba f'xi ħaġa magħmula jew komessa f'xi parti tal-Commonwealth li ma tkunx Malta jew fir-Repubblika tal-Irlanda jew f'xi pajjiż stranġier kemm-il darba -
- (a) l-att jew ommissjoni ma kienx ikun reat kieku kien frustier; u
- (b) fil-każ ta' att jew ommissjoni f'xi parti tal-Commonwealth jew fir-Repubblika tal-Irlanda, ma kienx ikun reat jekk il-pajjiż li fih l-att ikun magħmul jew l-ommissjoni tkun saret kien pajjiż stranġier.
(2) F'dan l-artikolu -
- "frustier" tfisser persuna li ma tkunx ċittadin tal-Commonwealth, persuna protetta Ingliża jew ċittadin tar-Republika tal-Irlanda;
- "pajjiż barrani" tfisser kull pajjiż (minbarra r-Repubblika tal-Irlanda) li ma jkunx parti mill-Commonwealth;
- "Persuna Protetta Ingliża" tfisser persuna li tkun persuna protetta Ingliża għall-finijiet tal-British Nationality Act, 1948 jew ta' kull liġi oħra tar-Renju Unit li tieħu post dak l-Att.
Ksib ta' ċittadinanza bi twelid jew dixxendenza minn persuni mwielda fi jew wara l-ġurnata stabbilita. (art. 25)
[edit]- Sostitwit: XXIII. 1989.3
25. Imħassar bl-Att III tal-2000.
Żwieġ ma' ċittadin ta' Malta. (art. 26)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.8. Sostitwit: XXIII. 1989.4.
26. Imħassar bl-Att III tal-2000.
Doppja ċittadinanza. (art. 27)
[edit]- Emendat: XXXVII. 1966.2; LVIII. 1974.9; XXIII. 1989.5.
27. Imħassar bl-Att III tal-2000.
28. u 29. ġew rinumerati bl-Att III tal-2000.
Setgħat tal-Parlament. (art. 30)
[edit]30. Imħassar bl-Att III tal-2000.
Tifsir. (art. 31)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974. 10; X. 1977.2; XXIII. 1989.7.
31. Imħassar bl-Att III tal-2000.
KAPITOLU IV - Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Individwu
[edit]Drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu. (art. 32)
[edit]- Emendat: X.2014.2.
32.* Billi kull persuna f'Malta hija intitolata għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu, jiġifieri, id-dritt, tkun xi tkun ir-razza, post ta' oriġini, fehmiet politiċi, kulur, twemmin, sess, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru tagħha, iżda suġġett għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn u tal-interess pubbliku, għal kull waħda u kollha kemm huma dawn li ġejjin, jiġifieri-
- (a) il-ħajja, libertà, sigurtà tal-persuna, it-tgawdija ta' proprjetà u l-protezzjoni tal-liġi;
- (b) il-libertà ta' kuxjenza, ta' espressjoni u ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifika; u
- (ċ) ir-rispett għall-ħajja privata u familjari tiegħu, id-disposizzjonijiet li ġejjin ta' dan il-Kapitolu jkollhom effett sabiex jagħtu protezzjoni għad-drittijiet u libertajiet imsemmija qabel, salvi dawk il-limitazzjonijiet ta' dik il-protezzjoni kif jinsabu f'dawk id-disposizzjonijiet li huma limitazzjonijiet maħsuba biex jiżguraw illi t-tgawdija tal-imsemmija drittijiet u libertajiet minn xi individwu ma tippreġudikax id-drittijiet u libertajiet ta' oħrajn jew l-interess pubbliku.
Protezzjoni tad-dritt għall-ħajja. (art. 33)
[edit]33.* (1) Ħadd ma jista' jiġi pprivat mill-ħajja tiegħu intenzjonalment ħlief fl-esekuzzjoni tas-sentenza ta' qorti dwar reat kriminali skont il-liġi ta' Malta li tiegħu jkun ġie misjub ħati.
(2) Mingħajr ħsara għal xi responsabbiltà għal ksur ta' xi liġi oħra dwar l-użu ta' forza f'dawk il-każijiet li huma hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmija, persuna ma għandhiex titqies li tkun ġiet ipprivata mill-ħajja tagħha bi ksur ta' dan l-artikolu jekk tmut b'riżultat tal-użu ta' forza daqs kemm tkun raġonevolment ġustifikabbli fiċ-ċirkostanzi tal-każ -
- (a) fid-difiża ta' xi persuna minn vjolenza jew fid-difiża ta' proprjetà;
- (b) sabiex jiġi effetwat arrest skont il-liġi jew tiġi evitata l-ħarba ta' persuna detenuta skont il-liġi;
- (ċ) sabiex tiġi megħluba rewwixta, insurrezzjoni jew ammutinament; jew
- (d) sabiex jiġi evitat l-egħmil minn dik il-persuna ta' reat kriminali, jew jekk tmut minħabba att leġittimu ta' gwerra.
Protezzjoni minn arrest jew detenzjoni arbitrarja. (art. 34)
[edit]34.* (1) Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-libertà personali tiegħu ħlief kif jista' jkun awtorizzat b'liġi fil-każijiet li ġejjin, jiġifieri -
- (a) bħala konsegwenza tal-inkapaċità tiegħu li jwieġeb għal akkuża kriminali;
- (b) fl-esekuzzjoni tas-sentenza jew ordni ta' qorti, sew Malta sew band'oħra dwar reat kriminali li tiegħu ikun ġie misjub ħati;
- (ċ) fl-esekuzzjoni tal-ordni ta' qorti li tikkundannah għal disprezz lejn dik il-qorti jew lejn qorti jew tribunal ieħor jew fl-esekuzzjoni tal-ordni tal-Kamra tad-Deputati li tikkundannah għal disprezz lejha stess jew lejn il-membri tagħha jew għal ksur ta' privileġġ;
- (d) fl-esekuzzjoni tal-ordni ta' qorti magħmul biex jiżgura twettiq ta' xi obbligu impost lilu b'liġi;
- (e) sabiex jinġieb quddiem qorti fl-esekuzzjoni tal-ordni ta' qorti jew quddiem il-Kamra tad-Deputati fl-esekuzzjoni tal-ordni ta' dik il-Kamra;
- (f) fuq suspett raġonevoli li huwa jkun ikkommetta, jew ikun sejjer jikkommetti, reat kriminali;
- (g) fil-każ ta' persuna li ma tkunx għalqet l-età ta' tmintax-il sena, għall-iskop tal-edukazzjoni u ġid tagħha;
- (h) sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' marda infettiva jew kontaġġuża;
- (i) fil-każ ta' persuna li tkun, jew tkun raġonevolment suspetta li tkun, ta' moħħ marid, mogħtija għan-narkotiċi jew xorb, jew vagabonda, għall-iskop tal-kura jew trattament tagħha jew protezzjoni tal-komunità; jew
- (j) sabiex jiġi evitat id-dħul illeġittimu ta' dik il-persuna f'Malta, jew sabiex tiġi effettwata l-espulsjoni, l-estradizzjoni jew it-tneħħija leġittima oħra ta' dik il-persuna minn Malta jew it-teħid ta' proċeduri dwar hekk jew sabiex tiġi mrażżna dik il-persuna waqt li tkun qed tiġi mgħoddija minn Malta fil-kors tal-estradizzjoni jew tneħħija tagħha bħala priġunier misjub ħati minn pajjiż għal ieħor.
(2) Kull min ikun arrestat jew detenut għandu jiġi nformat, fil-ħin tal-arrest jew detenzjoni tiegħu, f'ilsien li huwa jifhem, bir-raġunijiet tal-arrest jew detenzjoni tiegħu:
Iżda jekk interpretu jkun meħtieġ u ma jkunx disponibbli malajr jew jekk ikun xort'oħra imprattikabbli li jiġu mħarsa d-disposizzjonijiet ta' dan is-subartikolu fil-ħin tal-arrest jew detenzjoni tiegħu, dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiġu mħarsa kemm jista' jkun malajr.
(3) Kull min jiġi arrestat jew detenut -
- (a) sabiex jinġieb quddiem qorti fl-esekuzzjoni tal-ordni ta' qorti; jew
- (b) fuq suspett raġonevoli li jkun ikkommetta, jew li jkun sejjer jikkommetti, reat kriminali, u li ma jiġix meħlus, għandu jinġieb quddiem qorti mhux aktar tard minn tmienja u erbgħin siegħa wara; u jekk xi ħadd arrestat jew detenut f'xi każ bħal dak li huwa msemmi fil-paragrafu (b) ta' dan is-subartikolu ma jiġix iġġudikat fi żmien raġonevoli, f'dak il-każ, bla ħsara għal kull proċeduri oħra li jistgħu jinġiebu kontra tiegħu, huwa għandu jiġi meħlus jew bla kondizzjoni jew b'kondizzjonijiet raġonevoli, magħduda b'mod partikolari dawk il-kondizzjonijiet li jkunu meħtieġa raġonevolment biex jiġi żgurat li huwa jidher f'data aktar tard għall-kawża jew għall-proċeduri preliminari għall-kawża.
(4) Kull min ikun arrestat jew detenut illegalment minn xi persuna oħra jkollu dritt għal kumpens għal hekk minn dik il-persuna.
(5) Ebda ħaġa li hemm fi jew li tkun magħmula bl-awtorità ta' xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan l-artikolu safejn il-liġi in kwistjoni tawtorizza t-teħid matul dak il-perijodu ta' emerġenza pubblika skont ma hu msemmi fil-paragrafu (a) jew (ċ) tas-subartikolu (2) tal-artikolu 47 ta' din il-Kostituzzjoni ta' miżuri li jkunu raġonevolment ġustifikabbli sabiex tiġi affrontata s-sitwazzjoni li teżisti matul dak il-perijodu ta' emerġenza pubblika.
(6) Jekk xi ħadd li jkun detenut legalment bis-saħħa biss ta' liġi bħal dik imsemmija fis-subartikolu li jaħbat l-aħħar qabel dan hekk jitlob f'xi żmien matul il-perijodu ta' dik id-detenzjoni mhux qabel sitt xhur wara li jkun għamel l-aħħar talba bħal dik matul dak ilperijodu, il-każ tiegħu jiġi rivedut minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b'liġi u magħmul minn persuna jew persuni li kull waħda minnhom ikollha jew kellha kariga ġudizzjarja jew tkun kwalifikata biex tiġi maħtura għal kariga bħal dik f'Malta.
(7) Wara xi reviżjoni minn tribunal skont is-subartikolu li jaħbat l-aħħar qabel dan tal-każ ta' xi persuna detenuta, it-tribunal jista' jagħmel akkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa jew espedjenza tat-tkomplija tad-detenzjoni tagħha lill-awtorità li minnha -kienet ġiet ordnata. iżda. kemm-il darba ma jkunx provdut xort,oħra b'liġi, dik l-awtorità ma tkunx obbligata taġixxi skont xi rakkomandazzjonijiet bħal dawk.
Protezzjoni minn xogħol furzat. (art. 35)
[edit]35.* (1) Ħadd ma għandu jkun meħtieġ jagħmel xogħol furzat.
(2) Għall-finijiet ta' dan l-artikolu, il-frażi "xogħol furzat" ma tinkludix -
- (a) xi xogħol meħtieġ b'konsegwenza tas-sentenza jew ordni ta' qorti;
- (b) xogħol meħtieġ mingħand xi ħadd waqt li jkun legalment detenut b'sentenza jew ordni ta' qorti li, għalkemm ma jkunx meħtieġ b'konsegwenza ta' dik is- sentenza jew ordni, ikun meħtieġ raġonevolment flinteressi tal-iġjene jew għat-tiżmim tal-post li fih ikun detenut jew, jekk ikun detenut għall-iskop tal-kura, trattament, edukazzjoni jew ġid tiegħu, ikun raġonevolment meħtieġ għal dak l-iskop;
- (ċ) xi xogħol meħtieġ mingħand membru ta' korp dixxiplinat minħabba d-dmirijiet tiegħu bħala tali jew, fil-każ ta' persuna li jkollha oġġezzjonijiet ta' kuxjenza għal servizz bħala membru ta' forza navali, militari jew tal-ajru, xi xogħol li dik il-persuna hija meħtieġa b'liġi li taqdi minflok dak is-servizz;
- (d) xi xogħol meħtieġ matul perijodu ta' emerġenza pubblika jew fil-każ ta' xi emerġenza oħra jew kalamità li thedded il-ħajja jew il-ġid tal-komunità.
Protezzjoni minn trattament inuman. (art. 36)
[edit]36.* (1) Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal piena jew trattament inuman jew degradanti.
(2) Ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi ma titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan l-artikolu safejn il-liġi in kwistjoni tawtorizza l-għoti ta' xi deskrizzjoni ta' piena li kienet legali f'Malta minnufih qabel ilġurnata stabbilita.
(3) (a) Ebda liġi ma għandha tipprovdi għall-impożizzjoni ta' pieni kollettivi.
- (b) Ebda ħaġa f'dan is-subartikolu ma tipprekludi limpożizzjoni ta' pieni kollettivi fuq il-membri ta' korp dixxiplinat skont il-liġi li tirregola d-dixxiplina ta' dak il-korp.
Protezzjoni minn privazzjoni ta' proprjetà bla kumpens. (art. 37)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.11.
37.* (1) Ebda proprjetà ta' kull xorta li tkun ma għandu jittieħed pussess tagħha b'mod obbligatorju, u ebda nteress fi jew dritt fuq proprjetà ta' kull xorta li tkun ma għandu jiġi miksub b'mod obbligatorju, ħlief meta hemm disposizzjoni ta' liġi applikabbli għal dak it-teħid ta' pussess jew akkwist -
- (a) għall-ħlas ta' kumpens xieraq;
- (b) li tiżgura lil kull persuna li tippretendi dak il-kumpens dritt ta' aċċess lil qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b'liġi sabiex jiġi deċiż l-interess tagħha fi jew dritt fuq il-proprjetà u l-ammont ta' kull kumpens li għalih tista' tkun intitolata, u sabiex tikseb ħlas ta' dak il-kumpens; u
- (ċ) li tiżgura lil kull parti fi proċeduri f'dik il-qorti jew tribunal dwar pretensjoni bħal dik dritt ta' appell middeċiżjoni tagħha lill-Qorti tal-Appell f'Malta:
Iżda f'każijiet speċjali l-Parlament jista', jekk hekk jidhirlu xieraq li jagħmel fl-interess nazzjonali, b'liġi jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jitħarsu, magħduda l-fatturi u ċ-ċirkostanzi l-oħra li għandhom jitqiesu, biex jiġi stabbilit il-kumpens li għandu jitħallas dwar proprjetà li jittieħed pussess tagħha jew li tiġi akkwistata b'mod obbligatorju; u f'kull każ bħal dak il-kumpens għandu jiġi iffissat u għandu jitħallas skont hekk.
(2) Ebda ħaġa f'dan l-artikolu ma għandha tiftiehem li tolqot legħmil jew ħdim ta' xi liġi safejn tipprovdi għat-teħid ta' pussess jew akkwist ta' proprjetà -
- (a) bi ħlas ta' xi taxxa, rata jew drittijiet;
- (b) bħala penali għal, jew bħala konsegwenza ta', ksur talliġi, sew jekk bi proċeduri ċivili jew wara dikjarazzjoni ta' ħtija ta' reat kriminali;
- (ċ) wara l-attentat ta' tneħħija tal-proprjetà barra minn jew ġewwa Malta bi ksur ta' xi liġi;
- (d) bħala teħid ta' kampjun għall-finijiet ta' xi liġi;
- (e) meta l-proprjetà tikkonsisti f'annimal meta jiġi misjub f'art ħaddieħor jew mitluf;
- (f) bħala inċidentali għal kirja, liċenza, privileġġ jew ipoteka, mortgage, dritt, bill of sale, pleġġ jew kuntratt ieħor;
- (g) bħala l-għoti jew l-amministrazzjoni ta' proprjetà għan-nom u għab-benefiċċju tal-persuna ntitolata għall-interess benefiċjarju fiha, proprjetà fi trust, proprjetà tal-għadu jew il-proprjetà ta' persuni dikjarati falluti b'sentenza jew xort'oħra dikjarati falluti jew insolventi, persuni ta' moħħ marid, persuni mejta, jew għaqdiet korporati jew mhux korporati fil-kors ta' stralċ jew likwidazzjoni;
- (h) fl-esekuzzjoni ta' sentenzi jew ordnijiet ta' qrati;
- (i) minħabba li tkun fi stat perikoluż jew ta' ħsara għas-saħħa tan-nies, annimali jew pjanti;
- (j) bħala konsegwenza ta' xi liġi dwar il-preskrizzjoni ta' azzjonijiet, preskrizzjoni akkwiżittiva, art abbandunata, teżor misjub, manumorta jew id-drittijiet ta' suċċessjoni kompetenti lill-Gvern ta' Malta; jew
- (k) għal dak iż-żmien biss sakemm ikun meħtieġ għallfinijiet ta' xi eżami, investigazzjoni, kawża jew inkjesta jew, fil-każ ta' art, l-egħmil fuqha -
- (i) ta' xogħol ta' konservazzjoni ta' ħamrija jew il-konservazzjoni ta' risorsi naturali oħra ta' kull xorta jew ta' rikostruzzjoni ta' ħsara tal-gwerra; jew
- (ii) ta' żvilupp jew titjib agrikolu li s-sid jew okkupant tal-art ikun ġie mitlub, u jkun mingħajr skuża raġonevoli u legali rrofta jew naqas li jagħmel.
(3) Ebda ħaġa f'dan l-artikolu ma għandha tiftiehem li tolqot legħmil jew ħdim ta' xi liġi safejn tipprovdi għall-għoti lill-Gvern tal-proprjetà ta' xi minerali, ilma jew antikitajiet ta' taħt l-art.
(4) Ebda ħaġa f'dan l-artikolu ma għandha tiftiehem li tolqot legħmil jew ħdim ta' xi liġi għat-teħid ta' pussess obbligatorju flinteress pubbliku ta' xi proprjetà, jew l-akkwist obbligatorju flinteress pubbliku u ta' xi interess fi jew dritt fuq proprjetà, meta dik il-proprjetà, interess jew dritt huwa miżmum minn għaqda korporata li hija mwaqqfa għal skopijiet pubbliċi minn xi liġi u li fiha ebda flejjes ma ġew investiti barra minn flejjes provduti minn xi leġislatura f'Malta.
Protezzjoni għall-intimità tad-dar jew proprjetà oħra. (art. 38)
[edit]38.* (1) Ħief bil-kunsens tiegħu stess jew b'dixxiplina tal-ġenituri, ħadd ma għandu jiġi assoġġettat għat-tfittix fuq il-persuna tiegħu jew proprjetà tiegħu jew għad-dħul minn oħrajn fil-post tiegħu.
(2) Ebda ħaġa li hemm fi jew li hija magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan l-artikolu safejn dik il-liġi tagħmel provvediment -
- (a) li jkun raġonevolment meħtieġ fl-interess tad-difiża, sigurtà pubblika, ordni pubbliku, moralità jew deċenza pubblika, saħħa pubblika, pjani regolaturi ta' bliet u rħula, l-iżvilupp u utilizzazzjoni ta' risorsi minerali, jew l-iżvilupp u utilizzazzjoni ta' xi proprjetà b'dak ilmod biex jinġieb 'il quddiem il-benefiċċju pubbliku;
- (b) li jkun raġonevolment meħtieġ sabiex jinġiebu 'l quddiem id-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħra;
- (ċ) li jawtorizza dipartiment tal-Gvern ta' Malta, jew awtorità tal-gvern lokali, jew għaqda korporata mwaqqfa b'liġi għal skop pubbliku, li jidħol fil-post ta' xi persuna sabiex jispezzjona dak il-post jew xi ħaġa li jkun hemm fih għall-fini ta' xi taxxa, rata jew drittijiet jew sabiex jagħmel xogħol li għandu x'jaqsam ma' xi proprjetà jew xi installazzjoni li tkun legalment f'dak il-post u li tkun ta' dak il-Gvern, dik lawtorità, jew dik l-għaqda korporata, skont il-każ; jew
- (d) li jawtorizza, għall-fini ta' esekuzzjoni ta' sentenza jew ordni ta' qorti, it-tfittix ta' xi persuna jew proprjetà b'ordni ta' qorti jew dħul f'xi post b'ordni bħal dak, jew li jkun meħtieġ sabiex jiġu evitati jew mikxufa reati kriminali, u ħlief safejn dak il-provvediment jew, skont il-każ, il-ħaġa magħmula skont l-awtorità tiegħu, hija murija li ma tkunx ġustifikabbli raġonevolment f'soċjetà demokratika.
Disposizzjonijiet biex tiġi żgurata protezzjoni tal-liġi. (art. 39)
[edit]39.* (1) Kull meta xi ħadd ikun akkużat b'reat kriminali huwa għandu, kemm-il darba l-akkuża ma tiġix irtirata, jiġi mogħti smigħ xieraq għeluq żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali mwaqqfa b'liġi.
(2) Kull qorti jew awtorità oħra ġudikanti mwaqqfa b'liġi għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza jew l-estensjoni ta' drittijiet jew obbligi ċivili għandha tkun indipendenti u imparzjali; u meta lproċeduri għal deċiżjoni bħal dik huma mibdija minn xi persuna quddiem qorti jew awtorità oħra ġudikanti bħal dik, il-każ għandu jiġi mogħti smigħ xieraq għeluq żmien raġonevoli.
(3) Ħlief bil-ftehim tal-partijiet kollha, il-proċeduri kollha ta' kull qorti u l-proċeduri dwar id-deċiżjoni tal-eżistenza jew lestensjoni tad-drittijiet jew obbligi ċivili ta' persuna quddiem xi awtorità ġudikanti oħra, magħdud il-pronunzjament tad-deċiżjoni tal-qorti jew awtorità oħra, għandhom jinżammu fil-pubbliku.
(4) Ebda ħaġa fis-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu ma għandha timpedixxi lil xi qorti jew xi awtorità bħalma hija msemmija f'dak is-subartikolu milli teskludi mill-proċeduri persuni li ma jkunux ilpartijiet tal-proċeduri u r-rappreżentanti legali tagħhom -
- (a) fi proċeduri quddiem qorti ta' ġurisdizzjoni volontarja u proċeduri oħra li, fil-prattika tal-Qrati f'Malta jiġu, jew huma tal-istess xorta bħal dawk li jiġu, deċiżi in camera;
- (b) fi proċeduri skont xi liġi dwar it-taxxa fuq l-income; jew
- (ċ) safejn il-qorti jew awtorità oħra -
- (i) tista' tqis meħtieġ jew espedjenti f'ċirkostanzi li fihom il-pubbliċità tista' tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja; jew
- (ii) jista' jkollha setgħa jew tkun meħtieġa b'liġi li tagħmel hekk fl-interess tad-difiża, sigurtà pubblika, ordni pubbliku, moralità jew deċenza pubblika, il-ġid ta' persuni taħt l-età ta' tmintax-il sena jew il-protezzjoni tal-ħajja privata ta' persuni li jkollhom x'jaqsmu mal-proċeduri.
(5) Kull min jiġi akkużat b'reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm jiġi pruvat jew ikun wieġeb li huwa ħati:
Iżda ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi ma titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan is-subartikolu safejn dik il-liġi timponi fuq xi persuna akkużata kif intqal qabel il-piż tal-prova ta' fatti partikolari.
(6) Kull min ikun akkużat b'reat kriminali -
- (a) għandu jiġi nformat bil-miktub, b'ilsien li huwa jifhem u bid-dettalji, dwar ix-xorta tar-reat li bih ikun akkużat;
- (b) għandu jiġi mogħti żmien u faċilitajiet xierqa għallpreparazzjoni tad-difiża tiegħu;
- (ċ) għandu jitħalla jiddefendi ruħu personalment jew permezz ta' rappreżentant legali u min ma jkunx jista' jħallas għal rappreżentanza legali hekk kif tkun meħtieġa raġonevolment miċ-ċirkostanzi tal-każ tiegħu jkollu dritt li jkollu dik ir-rappreżentanza bi spejjeż pubbliċi;
- (d) għandu jiġi mogħti faċilitajiet biex jeżamina personalment jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħu x-xhieda msejħa mill-prosekuzzjoni quddiem kull qorti u li jikseb l-attendenza ta' xhieda suġġett għall-ħlas tal-ispejjeż raġonevoli tagħhom, u jagħmel l-eżami tax-xhieda li jkunu ser jixhdu għalih quddiem il-qorti bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk li jgħoddu għal xhieda msejħa mill-prosekuzzjoni; u
- (e) għandu jitħalla li jkollu bla ħlas l-għajnuna ta' interpretu jekk ma jkunx jista' jifhem l-ilsien użat filproċeduri dwar l-akkuża, u ħlief bil-kunsens tiegħu stess il-proċeduri ma jistgħux jinżammu fl-assenza tiegħu ħlief jekk huwa jġib ruħu hekk li jagħmel ittkomplija tal-proċeduri fil-preżenza tiegħu imprattikabbli u l-qorti tkun ordnat li jiġi mwarrab u li l-proċeduri jitkomplew fl-assenza tiegħu.
(7) Meta xi ħadd jgħaddi proċeduri dwar reat kriminali, ilpersuna akkużata jew xi persuna awtorizzata minnha għal hekk għandha, jekk hekk teħtieġ u bi ħlas ta' dak id-dritt raġonevoli li jista' jkun preskritt b'liġi, tiġi mogħtija fi żmien raġonevoli wara ssentenza kopja għall-użu tal-persuna akkużata ta' kull inkartament tal-proċeduri magħmula minn jew għan-nom tal-qorti.
(8) Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta' reat kriminali minħabba f'xi att jew omissjoni li, fil-ħin meta jkun sar, ma jkunx jikkostitwixxi reat bħal dak, u ebda piena ma għandha tiġi mposta għal xi reat kriminali li tkun aktar severa fi grad jew xorta millogħla piena li setgħet tiġi mposta għal dak ir-reat fiż-żmien meta jkun ġie magħmul.
(9) Ebda persuna li turi li tkun għaddiet proċeduri quddiem xi qorti kompetenti għal reat kriminali u jew tkun ġiet misjuba ħatja jew liberata ma għandha terġa' tgħaddi proċeduri għal dak ir-reat jew għal xi reat kriminali ieħor li għalih setgħat tiġi misjuba ħatja fil-proċeduri għal dak ir-reat ħlief wara ordni ta' qorti superjuri mogħti matul il-kors ta' appell jew proċeduri ta' reviżjoni dwar iddikjarazzjoni ta' ħtija jew liberazzjoni; u ebda persuna ma għandha tgħaddi proċeduri għal reat kriminali jekk turi li tkun ħadet ilmaħfra għal dak ir-reat:
Iżda ebda ħaġa f'xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan is-subartikolu minħabba biss li tawtorizza xi qorti li tagħmel proċeduri kontra membru ta' korp dixxiplinat għal reat kriminali nonostanti kull proċeduri u dikjarazzjoni ta' ħtija jew liberazzjoni ta' dak il-membru skont il-liġi dixxiplinarja ta' dak il-korp, imma hekk illi kull qorti li tkun hekk tiġġudika dak il-membru u li hekk issibu ħati għandha meta tikkundannah għal xi piena tieħu kont ta' kull piena mogħtija lilu skont dik il-liġi dixxiplinarja.
(10) Ebda persuna li tgħaddi proċeduri għal reat kriminali ma għandha tkun obbligata li tixhed fil-proċeduri kontra tagħha.
(11) F'dan l-artikolu "rappreżentant legali" tfisser persuna intitolata li teżerċita f'Malta bħala avukat jew, ħlief dwar proċeduri quddiem qorti fejn prokuratur legali ma għandux dritt ta' smigħ, prokuratur legali.
Protezzjoni ta' libertà ta' kuxjenza u qima. (art. 40)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974. 12.
40.* (1) Il-persuni kollha f'Malta għandu jkollhom libertà sħiħa ta' kuxjenza u jgawdu l-eżerċizzju liberu tal-mod rispettiv tagħhom ta' qima reliġjuża.
(2) Ebda persuna ma tkun meħtieġa li tirċievi tagħlim fir-reliġjon jew li turi tagħrif jew profiċjenza fir-reliġjon jekk, fil-każ ta' persuna li ma tkunx laħqet l-età ta' sittax-il sena, issir oġġezzjoni għal din il-ħtieġa mill-persuna li skont il-liġi jkollha awtorità fuqha u, f'kull każ ieħor, jekk il-persuna hekk meħtieġa toġġezzjona:
Iżda ebda ħtieġa bħal dik ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma', jew bi ksur ta', dan l-artikolu safejn it-tagħrif ta', jew il-profiċjenza jew istruzzjoni fi, ir-reliġjon ikunu meħtieġa għat-tagħlim ta' dik ir-reliġjon, jew għal ammissjoni għas-saċerdozju jew għal ordni reliġjuż, jew għal għanijiet oħra reliġjużi, u ħlief safejn dik il-ħtieġa tiġi murija li ma tkunx raġonevolment ġustifikabbli f'soċjetà demokratika.
(3) Ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur tas-subartikolu (1), safejn dik il-liġi tagħmel provvediment li jkun meħtieġ raġonevolment fl-interess tas-sigurtà pubblika, ordni pubbliku, moralità jew deċenza pubblika, saħħa pubblika, jew il-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta' oħrajn, u ħlief safejn dak il-provvediment jew, skont il-każ, il-ħaġa magħmula skont l-awtorità tiegħu, hija murija li ma tkunx ġustifikabbli raġonevolment f'soċjetà demokratika.
Protezzjoni ta' libertà ta' espressjoni. (art. 41)
[edit]41.* (1) Ħlief bil-kunsens tiegħu stess jew bħala dixxiplina tal-ġenituri, ħadd ma għandu jiġi mfixkel fit-tgawdija tal-libertà tiegħu ta' espressjoni, magħduda libertà li jkollu fehmiet mingħajr indħil, libertà li jirċievi idejiet u tagħrif mingħajr indħil, libertà li jikkomunika idejiet u tagħrif mingħajr indħil (kemm jekk il-komunikazzjoni tkun lill-pubbliku in ġenerali jew lil xi persuna jew klassi ta' persuni) u libertà minn indħil dwar il-korrispondenza tiegħu.
(2) Ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu safejn dik il-liġi tagħmel provvediment -
- (a) li jkun meħtieġ raġonevolment -
- (i) fl-interess tad-difiża, sigurtà pubblika, ordni pubbliku, moralità jew deċenza pubblika, jew saħħa pubblika; jew
- (ii) sabiex jiġu protetti r-reputazzjonijiet, drittijiet u libertajiet ta' persuni oħra, jew il-ħajja privata ta' persuni li jkollhom x'jaqsmu ma' proċeduri legali, jiġi evitat il-kxif ta' tagħrif riċevut sigriet, tiġi miżmuma l-awtorità u lindipendenza tal-qrati, jiġu protetti l-privileġġi tal-Parlament, jew jiġu regolati t-telefonu, it-telegrafu, il-posta, ix-xandir bil-wireless, it-televiżjoni jew mezzi oħra ta' komunikazzjoni, esibizzjonijiet pubbliċi jew divertimenti pubbliċi; jew
- (b) li jimponi restrizzjonijiet fuq uffiċjali pubbliċi, u ħlief safejn dak il-provvediment jew, skont il-każ, il-ħaġa magħmula skont l-awtorità tiegħu tiġi murija li ma tkunx raġonevolment ġustifikabbli f'soċjetà demokratika.
(3) Kull min ikun residenti f'Malta jista' joħroġ jew jistampa gazzetta jew ġurnal pubblikat kull jum jew perjodikament:
Iżda jista' jsir provvediment b'liġi -
- (a) li jipprojbixxi jew jillimita l-ħruġ jew stampar ta' xi gazzetta jew ġurnal bħal dak minn persuni taħt il-wieħed u għoxrin sena ta' età; u
- (b) li jeħtieġ kull persuna li tkun l-editur jew stampatur ta' xi gazzetta jew ġurnal bħal dak li tinforma l-awtorità preskritta b'hekk u dwar l-età tagħha u li żżomm lill-awtorità preskritta informata dwar il-post tar-residenza tagħha.
(4) Meta l-pulizija taqbad xi edizzjoni ta' gazzetta bħala li tkun il-mezz li bih reat kriminali jkun ġie magħmul il-pulizija għandha fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa mill-qbid iġġib il-qbid għall-konjizzjoni tal-qorti kompetenti u jekk il-qorti ma tkunx sodisfatta li jkun hemm prova prima facie ta' dak ir-reat, dik l-edizzjoni għandha tiġi mogħtija lura lill-persuna li minn għandha tkun ġiet maqbuda.
(5) Ħadd ma jkun ipprivat miċ-ċittadinanza tiegħu skont xi disposizzjonijiet magħmula taħt l-artikolu 30 (1) (b) ta' din il-Kostituzzjoni jew mill-kapaċità ġuridika tiegħu minħabba biss opinjoni politika tiegħu.
Protezzjoni ta' libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni. (art. 42)
[edit]- Emendat: LVIII.1l974.13.
42.* (1) Ħlief bil-kunsens tiegħu stess jew bħala dixxiplina talġenituri ħadd ma għandu jiġi mfixkel fit-tgawdija tal-libertà tiegħu ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifika, jiġifieri, id-dritt tiegħu li jingħaqad paċifikament u liberament u jassoċja ma' persuni oħra u b'mod partikolari li jifforma jew jappartjeni lil trade union jew unions jew assoċjazzjonijiet oħra għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu.
(2) Ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan l-artikolu safejn dik il-liġi tagħmel provvediment-
- (a) li jkun meħtieg raġonevolment -
- (i) fl-interess tad-difiża, sigurtà pubblika, ordni pubbliku, moralità jew deċenza pubblika, jew saħħa pubblika; jew
- (ii) sabiex jiġu protetti d-drittijiet jew libertajiet ta' persuni oħra; jew
- (b) li jimponi restrizzjonijiet fuq uffiċjali pubbliċi, u ħlief safejn dak il-provvediment jew, skont il-każ, il-ħaġa magħmula skont l-awtorità tiegħu hija murija li ma tkunx ġustifikabbli raġonevolment f'soċjetà demokratika.
(3) Għall-finijiet ta' dan l-artikolu, kull disposizzjoni f'xi liġi li tipprojbixxi li jsiru meetings jew dimostrazzjonijiet pubbliċi f'xi belt jew raħal partikolari jew f'aktar minn belt waħda jew raħal wieħed partikolari għandha titqies li hi disposizzjoni li m'hijiex raġonevolment ġustifikabbli f'soċjetà demokratika.
Projbizzjoni ta' deportazzjoni. (art. 43)
[edit]- Emendat: LVIII.1974.14.
43.* (1) L-estradizzjoni hija permessa biss in esekuzzjoni ta' arranġamenti magħmula bi trattat u skont l-awtorità ta' liġi.
(2) Ħadd ma għandu jiġi estradett għal reat ta' karattru politiku.
(3) Ebda ċittadin ta' Malta ma għandu jiġi mwarrab minn Malta ħlief bħala konsegwenza ta' proċeduri ta' estradizzjoni jew skont xi liġi bħalma hija msemmija fl-artikolu 44(3)(b) ta' din il-Kostituzzjoni.
(4) Id-disposizzjonijiet magħmula bi jew skont l-Att dwar l-Estradizzjoni[2] li jkunu għal dak iż-żmien fis-seħħ, għat-tneħħija ta' persuni minn Malta għal pajjiż ieħor tal-Commonwealth biex jgħaddu proċeduri jew jiskuntaw piena f'dak il-pajjiż dwar reat magħmul f'dak il-pajjiż u kull arranġamenti ġenerali għall-estradizzjoni ta' persuni bejn pajjiżi tal-Commonwealth li għalihom Malta għal dak iż-żmien taderixxi għandhom jitqiesu, għall-finijiet tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu, li jkunu arranġamenti magħmula bi trattat, u s-subartikolu (2) ma jgħoddx dwar it-tneħħija jew estradizzjoni ta' persuna skont dawk id-disposizzjonijiet jew arranġamenti.
Protezzjoni ta' libertà ta' moviment. (art. 44)
[edit]Emendat: XIII. 2001.2.
44.* (1) Ebda ċittadin ta' Malta ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ta' moviment, u għall-fini ta' dan l-artikolu din il-libertà tfisser id-dritt ta' moviment liberu ġewwa Malta, id-dritt li jirrisjedi f'kull parti ta' Malta, id-dritt li joħroġ minn Malta u d-dritt li jidħol Malta.
(2) Kull restrizzjoni tal-libertà ta' moviment ta' ċittadin, li tkun involuta fid-detenzjoni tiegħu legali ma għandhiex titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan l-artikolu.
(3) Ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' dan l-artikolu safejn dik il-liġi tagħmel provvediment -
- (a) għall-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet li jkunu raġonevolment meħtieġa fl-interess tad-difiża, sigurtà pubblika, ordni pubbliku, moralità jew deċenza pubblika, jew saħħa pubblika u ħlief safejn dak ilprovvediment jew, skont il-każ, il-ħaġa magħmula skont l-awtorità tiegħu hija murija li ma tkunx ġustifikabbli raġonevolment f'soċjetà demokratika;
- (b) għall-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment ta' xi ċittadin ta' Malta li ma jkunx ċittadin bis-saħħa tal-artikolu 3(1) jew tal-artikolu 5(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija kif ikun fis-seħħ malbidu fis-seħħ tal-Att tal-2000 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija;
- (ċ) għall-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment jew residenza ġewwa Malta ta' uffiċjali pubbliċi; jew
- (d) għall-imposizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' xi persuna li toħroġ minn Malta li jkunu raġonevolment meħtieġa sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta' xi obbligu impost fuq dik il-persuna b'liġi u ħlief safejn dak ilprovvediment jew, skont il-każ, il-ħaġa magħmula skont l-awtorità tiegħu hija murija li ma tkunx raġonevolment ġustifikabbli f'soċjetà demokratika.
(4) Għall-finijiet ta' dan l-artikolu kull persuna -
- (a) li tkun emigrat minn Malta (kemm jekk qabel, fi jew wara l-ġurnata stabbilita) u, billi kienet ċittadin ta' Malta bis-saħħa tal-artikolu 3(1) jew tal-artikolu 5(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija kif ikun fis-seħħ mal-bidu fis-seħħ tal-Att tal-2000 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, tkun temmet milli tkun ċittadin bħal dak; jew
- (b) li emigrat minn Malta qabel il-ġurnata stabbilita u, li ma kienx għaliex tkun temmet milli tkun ċittadin tar-Renju Unit u Kolonji qabel dik il-ġurnata, kienet issir ċittadin ta' Malta bis-saħħa tal-artikolu 3(1) l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija kif ikun fis-seħħ mal-bidu fis-seħħ tal-Att tal-2000 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija; jew
- (ċ)[3] li jkun il-konjuġi ta' persuna msemmija fil-paragrafu (a) jew (b) ta' dan is-subartikolu jew ta' persuna li tkun ċittadin ta' Malta bis-saħħa tal-artikolu 3(1) jew tal-artikolu 5(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija kif ikun fis-seħħ mal-bidu fis-seħħ tal-Att tal-2000 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija u li tkun miżżewġa lil dik il-persuna għal mill-inqas ħames snin u li tkun tgħix ma' dik il-persuna, jew tkun l-iben jew il-bint taħt il-wieħed u għoxrin sena ta' età ta' dik il-persuna; jew,
- (d) li tkun l-armla jew l-armel ta' persuna msemmija fil-paragrafu (a) jew fil-paragrafu (b) ta' dan is-subartikolu jew ta' persuna li fil-waqt tal-mewt tiegħu jew tagħha kienet ċittadin ta' Malta bis-saħħa tal-artikolu 3(1) jew tal-artikolu 5(1) tal-Att dwar iċĊittadinanza Maltija kif ikun fis-seħħ mal-bidu fis-seħħ tal-Att tal-2000 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, u li kienet għadha tgħix miegħu jew jgħix magħha fil-waqt tal-mewt tiegħu jew tagħha u li kienet ilha miżżewġa lil dik il-persuna għal mill-inqas ħames snin, jew li kieku kienet, li ma kienx għall-mewt ta' dik il-persuna, tkun ilha hekk miżżewġa għal mill-inqas ħames snin, jew tkun l-iben jew il-bint taħt l-età ta' wieħed u għoxrin sena ta' dik il-persuna,
għandha titqies li tkun ċittadin ta' Malta bis-saħħa tal-artikolu 3(1) jew tal-artikolu 5(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija kif ikun fis-seħħ mal-bidu fis-seħħ tal-Att tal-2000 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija:
- Iżda jekk il-Ministru responsabbli għall-ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadinanza Maltija f'xi żmien b'ordni jiddikjara li jkun kontra l-interess pubbliku li konjuġi kif hemm imsemmi fil-paragrafu (ċ), jew armla jew armel kif hemm imsemmi fil-paragrafu (d), jew iben jew bint li jkollhom 'il fuq minn tmintax il-sena ta' età kif hemm imsemmi fil-paragrafu (ċ) jew (d) għandhom hekk jitqiesu, jew ikomplu hekk jitqiesu, dawk il-konjuġi, armla, armel, iben jew bint, skont il-każ, għandhom ma' dan itemmu milli jitqiesu bħala ċittadini ta' Malta kif imsemmi qabel:
- Iżda wkoll, il-Ministru responsabbli għall-ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadinanza Maltija ma għandux ikun meħtieġ li jagħti ebda raġuni għall-ħruġ ta' xi ordni msemmi fil-proviso li jiġi minnufih qabel, u d-deċiżjoni tal-Ministru dwar xi ordni bħal dan ma għandha tkun suġġetta għal appell jew stħarriġ f'ebda qorti.
(5) Jekk xi ħadd li l-libertà ta' moviment tiegħu tkun ġiet ristretta bis-saħħa ta' provvediment skont ma hu maħsub fis-subartikolu (3)(a) ta' dan l-artikolu hekk jitlob f'xi żmien matul il-perijodu ta' dik ir-restrizzjoni mhux qabel sitt xhur wara li jkun sar l-ordni jew sitt xhur wara li jkun għamel l-aħħar talba bħal dik, skont il-każ, il-każ tiegħu jiġi rivedut minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b'liġi magħmul minn persuna jew persuni li kull waħda minnhom ikollha jew kellha kariga ġudizzjarja jew tkun kwalifikata biex tkun maħtura għal kariga bħal dik f'Malta:
Iżda persuna li l-libertà ta' moviment tagħha tkun ġiet ristretta bis-saħħa ta' restrizzjoni li tkun applikabbli lil persuni b'mod ġenerali jew lil gruppi ġenerali ta' persuni ma għandhiex tagħmel talba skont dan is-subartikolu jekk ma tkunx kisbet qabel il-kunsens tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili.
(6) Wara reviżjoni minn tribunal skont dan l-artikolu tal-każ ta' persuna li l-libertà ta' moviment tagħha tkun ġiet ristretta t-tribunal jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa jew espedjenza li titkompla r-restrizzjoni lill-awtorità li minnha tkun ġiet ordnata iżda, jekk ma jkunx provdut xort'oħra b'liġi, dik l-awtorità ma tkunx obbligata li taġixxi skont xi rakkomandazzjonijiet bħal dawk.
Protezzjoni minn diskriminazzjoni minħabba razza, eċċ. (art. 45)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.15; XIX. 1991.3; X.2014.3.
45.* (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (4), (5) u (7) ta' dan l-artikolu, ebda liġi ma għandha tagħmel xi disposizzjoni li tkun diskriminatorja sew fiha nnifisha jew fl-effett tagħha.
(2) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (6), (7) u (8) ta' dan l-artikolu, ħadd ma għandu jiġi trattat b'mod diskriminatorju minn xi persuna li taġixxi bis-saħħa ta' xi liġi miktuba jew fil-qadi tal-funzjonijiet ta' xi kariga pubblika jew xi awtorità pubblika.
(3) F'dan l-artikolu, il-kelma "diskriminatorju" tfisser għoti ta' trattament differenti lil persuni differenti attribwibbli għal kollox jew prinċipalment għad-deskrizzjoni tagħhom rispettiva skont ir-razza, post ta' oriġini, opinjonijiet politiċi, kulur, fidi, sess, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru li minħabba fihom persuni ta' deskrizzjoni waħda bħal dawn ikunu suġġetti għal inkapaċitajiet jew restrizzjonijiet li persuni ta' deskrizzjoni oħra bħal dawn ma jkunux suġġetti għalihom jew ikunu mogħtija privileġġi jew vantaġġi li ma jkunux mogħtija lil persuni ta' deskrizzjoni oħra bħal dawn.
(4) Is-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu ma għandux jgħodd għal xi liġi safejn dik il-liġi tipprovdi -
- (a) għall-approprjazzjoni ta' dħul pubbliku jew fondi pubbliċi oħra; jew
- (b) dwar persuni li ma jkunux ċittadini ta' Malta; jew
- (ċ) dwar adozzjoni, żwieġ, xoljiment ta' żwieġ, dfin, devoluzzjoni ta' proprjetà mal-mewt jew xi ħwejjeġ ta' liġi personali mhux hawn qabel speċifikati; jew
- (d) li biha persuni ta' xi deskrizzjoni bħal dik kif hija msemmija fis-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu jistgħu jiġu assoġġettati għal xi inkapaċità jew restrizzjoni jew jistgħu jiġu mogħtija xi privileġġ jew vantaġġ li, meta jittieħed kont tax-xorta ta' dawn u ta' ċirkostanzi speċjali li jappartjenu lil dawk il-persuni jew lil persuni ta' xi deskrizzjoni oħra bħal dik u ta' kull disposizzjoni oħra ta' din il-Kostituzzjoni, ikun raġonevolment ġustifikabbli f'soċjetà demokratika; jew
- (e) għall-awtorizzazzjoni tat-teħid matul perijodu ta' emerġenza pubblika ta' miżuri li jkunu raġonevolment ġustifikabbli sabiex tiġi milqugħa s-sitwazzjoni li tkun teżisti matul dak il-perijodu ta' emerġenza pubblika:
Iżda l-paragrafu (ċ) ta' dan is-subartikolu ma għandux japplika għal xi liġi li tagħmel xi disposizzjoni li tkun diskriminatorja sew fiha nnifisha jew fl-effett tagħha, billi tagħti trattament differenti lil persuni differenti attribwibbli għal kollox jew prinċipalment għad-deskrizzjoni tagħhom skont is-sess.
(5) Ebda ħaġa li jkun hemm f'xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu sa fejn tipprovdi:
- (a) dwar kwalifiki għal servizz u kundizzjonijiet ta' servizz f'xi korp dixxiplinat; jew
- (b) dwar kwalifiki (li ma jkunux kwalifiki li jirrigwardaw is-sess, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru speċifikament) għal servizz bħala uffiċjal pubbliku jew għas-servizz ta' awtorità ta' gvern lokali jew għaqda korporata mwaqqfa għal skopijiet pubbliċi b'xi liġi.
(6) Is-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu ma għandux jgħodd għal xi ħaġa li tkun espressament jew b'implikazzjoni meħtieġa awtorizzata li ssir minn xi disposizzjoni bħal dik ta' liġi kif huwa msemmi fis-subartikolu (4) jew (5) ta' dan l-artikolu.
(7) Ebda ħaġa li tkun hemm jew li tkun magħmula bl-awtorità ta' xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma jew bi ksur ta' dan l-artikolu safejn il-liġi in kwistjoni tagħmel provvediment (li ma jkunux provvedimenti li jirrigwardaw is-sess speċifikatament) li li bih persuni ta' xi deskrizzjoni bħal dik kif hija msemmija fis-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu jistgħu jiġu assoġġettati għal xi restrizzjoni fuq drittijiet u libertajiet garantiti bl-artikoli 38, 40, 41, 42 u 44 ta' din il-Kostituzzjoni, li tkun restrizzjoni bħal dik kif awtorizzata bl-artikolu 38(2), 40(2), 41(2), 42(2) jew 44(3).
(8) Ebda ħaġa fis-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu ma għandha tolqot xi diskrezzjoni dwar l-egħmil, tmexxija jew nuqqas ta' tkomplija ta' proċeduri ċivili jew kriminali f'xi qorti li jkollha xi persuna bi jew skont din il-Kostituzzjoni jew xi liġi oħra.
(9) Ħtieġa, tkun magħmula kif tkun, li r-Reliġjon Kattolika Apostolika Rumana għandha tiġi mgħallma minn persuna li tkun tipprofessa dik ir-reliġjon ma titqiesx li hi inkonsistenti ma', jew bi ksur ta', dan l-artikolu.
(10) Sa tmiem ta' perjodu ta' sentejn li jibda fl-1 ta' Lulju, 1991, ebda ħaġa li hemm f'xi liġi magħmula qabel l-1 ta' Lulju, 1991, ma titqies li tkun inkonsistenti mad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, billi dik il-liġi tkun tipprovdi għal trattament differenti lil persuni differenti attribwibbli għal kollox jew prinċipalment għad-deskrizzjoni tagħhom rispettiva skont is-sess.
(11) Ebda ħaġa fid-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu ma għandha tgħodd għal xi liġi, jew għal xi ħaġa magħmula taħt l-awtorità ta' xi liġi, jew għal xi proċedura jew arranġament, sa fejn dik il-liġi, ħaġa magħmula, proċedura jew arranġament jipprovdu għat-tehid ta' miżuri speċjali bil-għan li tiġi aċċellerata l-ugwaljanza de facto bejn irġiel u nisa, u sa fejn biss dawk il-miżuri, meħud kont tat-tessut soċjali ta' Malta, ikunu murija li huma raġjonevolment ġustifikati f'soċjetà demokratika.
Twettiq ta' disposizzjonijiet protettivi. (art. 46)
[edit]Emendat: LVIII. 1974.16.
46.* (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (6) u (7) ta' dan l-artikolu, kull persuna li tallega li xi waħda mid-disposizzjonijiet tal-artikoli 33 sa 45 (magħdudin) ta' din il-Kostituzzjoni tkun ġiet, tkun qed tiġi jew tkun x'aktarx ser tiġi miksura dwarha, jew kull persuna oħra li l-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili f'Malta tista' taħtar ad istanza ta' xi persuna li hekk tallega, tista', bla ħsara għal kull azzjoni oħra dwar l-istess ħaġa li tkun tista' ssir legalment, titlob lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili għal rimedju.
(2) Il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili għandu jkollha ġurisdizzjoni oriġinali li tisma' u tiddeċidi kull talba magħmula minn xi persuna skont is-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu, u tista' tagħmel dawk lordnijiet, toħroġ dawk l-atti u tagħti dawk id-direttivi li tqis xierqa sabiex twettaq, jew tiżgur a t-twettiq ta' kull waħda middisposizzjonijiet tal-imsemmija artikoli 33 sa 45 (magħdudin) li għall-protezzjoni tagħhom tkun intitolata dik il-persuna:
Iżda l-Qorti tista', jekk tqis li jkun desiderabbli li hekk tagħmel, tirrifjuta li teżerċita s-setgħat tagħha skont dan is-subartikolu f'kull każ meta tkun sodisfatta li mezzi xierqa ta' rimedju għall-ksur allegat huma jew kienu disponibbli favur dik il-persuna skont xi liġi oħra.
(3) Jekk f'xi proċeduri f'xi qorti li ma tkunx il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili jew il-Qorti Kostituzzjonali tqum xi kwistjoni dwar ilksur ta' xi waħda mid-disposizzjonijiet tal-imsemmija artikoli 33 sa 45 (magħdudin), dik il-qorti għandha tibgħat il-kwistjoni quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili kemm-il darba fil-fehma tagħha ttqanqil tal-kwistjoni ma tkunx sempliċement frivola jew vessatorja; u dik il-qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq kull kwistjoni mibgħuta quddiemha skont dan is-subartikolu u, bla ħsara għaddisposizzjonijiet tas-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu, il-qorti li quddiemha tkun qamet il-kwistjoni għandha tiddisponi millkwistjoni skont dik id-deċiżjoni.
(4) Kull parti fi proċeduri miġjuba quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili skont dan l-artikolu jkollha dritt ta' appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
(5) Ma jkunx hemm appell minn xi deċiżjoni skont dan l-artikolu li xi talba jew it-tqanqil ta' xi kwistjoni tkun sempliċement frivola jew vessatorja.
(6) Jista' jsir provvediment bi jew skont Att tal-Parlament biex jiġu mogħtija lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili dawk is-setgħat b'żieda għal dawk mogħtija b'dan l-artikolu li jkunu meħtieġa jew mixtieqa sabiex il-Qorti tkun tista' aktar effettivament teżerċita ġurisdizzjoni mogħtija lilha b'dan l-artikolu.
(7) Regolamenti tal-qorti li jipprovdu dwar il-prattika u proċedura tal-Qrati ta' Malta għall-finijiet ta' dan l-artikolu jistgħu jiġu magħmula mill-persuna jew awtorità li għal dak iż-żmien ikollha setgħa li tagħmel regolamenti tal-qorti dwar il-prattika u proċedura ta' dawk il-Qrati, u għandhom ikunu maħsuba biex jiġi żgurat li l-proċedura għandha tkun b'rikors u illi s-smigħ għandu jkun b'kull ħeffa possibbli.
Tifsir tal-Kapitolu IV. (art. 47)
[edit]Emendat: LVIII. 1974.17; XIX. 1991.4.
47.* (1) F'dan il-Kapitolu, ħlief fejn ir-rabta tal-kliem ma teħtieġx xort'oħra, il-kliem li ġejjin ikollhom it-tifsiriet li ġejjin rispettivament, jiġifieri -
- "korp dixxiplinat" tfisser -
- (a) korp navali, militari jew tal-ajru tal-Gvern ta' Malta;
- (b) il-Korp tal-Pulizija ta' Malta;
- (ċ) kull korp ieħor ta' pulizija mwaqqaf b'liġi f'Malta;
- (d) is-servizz tal-ħabs ta' Malta;
- "ksur", dwar xi ħtieġa, tinkludi nuqqas ta' tħaris ta' dik il-ħtieġa, u kliem simili għandhom jiftehmu skont hekk;
- "liġi dixxiplinarja" tfisser liġi li tirregola d-dixxiplina -
- (a) ta' xi korp dixxiplinat;
- (b) ta' persuni li jkunu qed jiskontaw kundanni ta' ħabs;
- "membru", dwar korp dixxiplinat, tinkludi kull persuna li, skont il-liġi li tirregola d-dixxiplina ta' dak il-korp, tkun suġġetta għal dik id-dixxiplina;
- "qorti" tfisser kull qorti f'Malta li ma tkunx qorti mwaqqfa bi jew skont liġi dixxiplinarja u fl-artikoli 33 u 35 ta' din il-Kostituzzjoni tinkludi, dwar reat kontra liġi dixxiplinarja qorti hekk imwaqqfa.
(2) F'dan il-Kapitolu "perijodu ta' emerġenza pubblika" tfisser kull perijodu li matulu -
- (a) Malta tkun qegħda f'xi gwerra; jew
- (b) tkun isseħħ proklama mill-President li tiddikjara li jeżisti stat ta' emerġenza pubblika; jew
- (ċ) tkun isseħħ riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati li jkun hemm jaqblu magħha l-voti ta' mħux anqas minn żewġ terzi tal-Membri kollha tal-Kamra li tiddikjara li l-istituzzjonijiet demokratiċi f'Malta huma mhedda b'sovversjoni.
(3) (a) Meta tkun saret xi proklama ta' emerġenza, ir-raġuni li għaliha tkun saret għandha tiġi komunikata minnufih lill-Kamra tad-Deputati u, jekk il-Kamra ma tkunx f'dak iż-żmien ser tiltaqa' b'dak l-aġġornament jew proroga li ma jtemmux għeluq għaxart ijiem il-President għandu bi proklama jsejħilha biex tiltaqa' fi żmien ħamest ijiem u għandha hekk tiltaqa' u żżomm seduta fil-ġurnata stabbilita bil-proklama u tkompli tiltaqa' u taġixxi bħallikieku kienet aġġornata jew prorogata għal dik il-ġurnata.
- (b) Proklama ta' emerġenza għandha, kemm-il darba ma tiġix imħassra qabel mill-President, tispiċċa mis-seħħ fit-tmiem ta' perijodu ta' erbatax-il ġurnata li jibda fid-data li fiha tkun saret jew dak il-perijodu itwal kif jista' jkun provdut skont il-paragrafu li ġej minnufih wara dan, iżda bla ħsara għall-egħmil ta' proklama oħra ta' emerġenza fil jew qabel it-tmiem ta' dak il-perijodu.
- (ċ) Jekk f'xi żmien waqt li proklama ta' emerġenza tkun isseħħ (magħdud kull żmien waqt li tkun isseħħ bis-saħħa ta' dan il-paragrafu) riżoluzzjoni tiġi mgħoddija mill-Kamra tad-Deputati li tapprova t-tkomplija fis-seħħ tagħha għal perijodu ieħor, ta' mhux iżjed minn tliet xhur, li jibda fid-data li fiha kieku kienet ittemm, il-proklama għandha, jekk ma tiġix imħassra qabel, tkompli sseħħ għal dak il-perijodu l-ieħor.
(4) Riżoluzzjoni bħal dik imsemmija fil-paragrafu (ċ) tas-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu għandha, kemm-il darba ma tkunx imħassra qabel mill-Kamra tad-Deputati, tispiċċa mis-seħħ fit-tmiem ta' tnax-il xahar li jibdew fid-data li fiha tkun ġiet mgħoddija jew f'dak il-perijodu aqsar kif jista' jkun speċifikat fiha, iżda mingħajr ħsara għall-mogħdija ta' riżoluzzjoni oħra mill-Kamra tad-Deputati bil-mod preskritt f'dak il-paragrafu fil jew qabel it-tmiem ta' dak il-perijodu.
(5) Dwar kull persuna li tkun membru ta' korp dixxiplinat imwaqqaf skont xi liġi li tkun isseħħ f'Malta, ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità tal-liġi dixxiplinarja ta' dak il-korp ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' xi waħda mid-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu li ma jkunux l-artikoli 33, 35 u 36.
(6) Dwar kull persuna li tkun membru ta' korp dixxiplinat imwaqqaf xort'oħra milli kif intqal qabel u preżenti legalment f'Malta, ebda ħaġa li hemm fi jew magħmula skont l-awtorità talliġi dixxiplinarja ta' dak il-korp ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma' jew bi ksur ta' xi waħda mid-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu.
(7) Sa tmiem ta' perijodu li jagħlaq fit-30 ta' Ġunju, 1993, ebda ħaġa li hemm f'xi liġi speċifikata fl-Ewwel Skeda li tinsab ma' din il-Kostituzzjoni u, sat-tmiem ta' perijodu ta' tliet snin li jibda bil-ġurnata stabbilita, ebda ħaġa li hemm f'xi liġi oħra magħmula qabel il-ġurnata stabbilita ma titqies li tkun inkonsistenti mad-disposizzjonijiet tal-artikoli 33 sa 45 (magħdudin) ta' dan il-Kapitolu u, salv kif intqal qabel, ebda ħaġa magħmula skont l-awtorità ta' xi liġi bħal dik ma titqies li tkun saret bi ksur ta' dawk l-artikoli.
(8) Meta xi disposizzjoni ta' liġi maħruġa qabel il-ġurnata stabbilita titqies li tkun inkonsistenti ma' xi waħda mid-disposizzjonijiet tal-artikoli 33 sa 45 (magħdudin) ta' dan il-Kapitolu, ebda persuna ma jkollha dritt għal kumpens dwar xi ħaġa magħmula skont l-awtorità ta' dik id-disposizzjoni qabel ma kienet hekk meqjusa bħala inkonsistenti.
(9) Ebda ħaġa fl-artikolu 37 ta' din il-Kostituzzjoni ma għandha tolqot il-ħdim ta' xi liġi fis-seħħ minnufih qabel it-3 ta' Marzu 1962 jew xi liġi magħmula fi jew wara dik id-data li temenda jew tissostitwixxi xi liġi fis-seħħ minnufih qabel dik iddata (jew xi liġi li minn żmien għal żmien tkun emendata jew sostitwita bil-mod deskritt f'dan is-subartikolu) u li ma -
- (a) iżżidx max-xorta ta' proprjetà li jista' jittieħed pussess tagħha jew id-drittijiet fuq u interess fi proprjetà li jistgħu jiġu miksuba;
- (b) iżżidx mal-finijiet li għalihom jew ċirkostanzi li fihom dik il-proprjetà jista' jittieħed pussess tagħha jew tiġi miksuba;
- (ċ) tagħmilx il-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għal kumpens jew l-ammont tiegħu anqas favorevoli lil xi persuna li jkollha jew li tkun interessata fil-proprjetà; jew
- (d) tipprivax xi persuna minn xi dritt bħal dak li huwa msemmi fil-paragrafu (b) jew paragrafu (ċ) tal-artikolu 37(1) ta' din il-Kostituzzjoni.
KAPITOLU V - Il-President
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.18.
Twaqqif ta' kariga ta' President. (art. 48)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.18.
48.*[4] (1) Għandu jkun hemm President ta' Malta li jiġi maħtur b'Riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati.
(2) Persuna ma tistax tiġi maħtura fil-kariga ta' President jekk -
- (a) ma tkunx ċittadin ta' Malta; jew
- (b) ikollha jew kellha l-kariga ta' Prim Imħallef jew imħallef ieħor tal-Qorti Superjuri; jew
- (ċ) ma tkunx eliġibbli għal ħatra jew biex taġixxi f'xi kariga pubblika skont l-artikoli 109, 118 u 120 ta' din il-Kostituzzjoni.
(3) Il-kariga ta' President issir vakanti:
- (a) fit-tmiem ta' ħames snin mid-data tal-ħatra f'dik il-kariga; jew
- (b) jekk id-detentur tal-kariga jitneħħa mill-kariga b'Riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati minħabba inkapaċità li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk minħabba mard mentali jew korporali jew għal xi raġuni oħra) jew għal imġieba ħażina.
Qadi tal-funzjonijiet tal-President matul vakanza, eċċ. (art. 49)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.18; XLII. 2016.20.
49. Kull meta l-kariga ta' President tkun temporanjament vakanti, u sakemm jiġi maħtur President ġdid, u kull meta ddetentur tal-kariga jkun assenti minn Malta jew ikun bil-vakanzi jew għal xi raġuni ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet mogħtija lilu b'din il-Kostituzzjoni, dawk il-funzjonijiet għandhom jiġu moqdija minn dik il-persuna li l-Prim Ministru, wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni, jista' jaħtar jew, jekk ma jkun hemm ebda persuna f'Malta hekk maħtura u li tkun tista' taqdi dawk il-funzjonijiet, mill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati.
Ġurament li għandu jittieħed mill-President.(art. 50)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.18.
50.[5] Persuna maħtura għal jew li tassumi l-funzjonijiet tal-kariga ta' President għandha, qabel ma tidħol f'dik il-kariga, tieħu u tiffirma l-ġurament tal-kariga muri fit-Tieni Skeda li tinsab ma' din il-Kostituzzjoni. Kull persuna maħtura fil-kariga ta' President skont is-subartikolu (1) tal-artikolu 48 ta' din il-Kostituzzjoni għandha tieħu l-ġurament tal-kariga quddiem il-Kamra.
KAPITOLU VI - Il-Parlament
[edit]TAQSIMA I - Għamla tal-Parlament
[edit]Twaqqif ta' Parlament. (art. 51)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.19.
51.* Għandu jkun hemm Parlament ta' Malta li jkun magħmul mill-President u minn Kamra tad-Deputati.
Għamla tal-Kamra tad-Deputati. (art. 52)
[edit]- Emendat: XXVI. 1970.2. Sostitwit: LVIII. 1974.20. Emendat: IV. 1987. 3; XI. 1996.2; XXI. 2007.4.
52.* (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, il-Kamra tad-Deputati tkun magħmula minn dak in-numru ta' membri, li jkun numru fard u li jkun diviżibbli bin-numru tad-distretti elettorali, li l-Parlament jista' minn żmien għal żmien b'liġi jistabbilixxi. Dawk il-membri jiġu eletti bil-mod provdut minn jew skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta bi proporzjonijiet indaqs mid-distretti elettorali msemmija fl-artikolu 56 ta' din il-Kostituzzjoni, billi kull distrett jeleġġi dak in-numru ta' membri, li ma jkunx inqas minn ħamsa u mhux iktar minn sebgħa kif il-Parlament għandu minn żmien għal żmien jistabbilixxi; u dawk il-membri jkunu magħrufa bħala "Membri tal-Parlament":
Iżda meta -
- (i) f'xi elezzjoni ġenerali, partit politiku (hawn iżjed 'il quddiem f'dan l-artikolu msejjaħ "partit li jkollu maġġoranza assoluta") jikseb fit-total kollu iktar minn ħamsin fil-mija tal-voti validi kollha mitfugħin f'dik l-elezzjoni, kif akkreditati lill-kandidati tiegħu mill-Kummissjoni Elettorali fl-ewwel għadd tal-voti kollha; jew
- (ii) f'elezzjoni ġenerali li tkun kontestata minn aktar minn żewġ partiti politiċi u li fiha jiġu eletti biss kandidati minn tnejn minn dawk il-partiti, partit politiku jikseb perċentwali tal-voti validi kollha mitfugħin f'dik l-elezzjoni, kif akkreditati lill-kandidati tiegħu mill-Kummissjoni Elettorali fl-ewwel għadd tal-voti kollha (hawn iżjed 'il quddiem f'dan l-artikolu msejjaħ "partit li jkollu maġġoranza relattiva"), li jkun akbar minn dak li jinkiseb minn xi partit wieħed ieħor (hawn iżjed 'il quddiem f'dan l-artikolu msejjaħ "partit li jkollu minoranza"),
u l-proporzjon li n-numru ta' kandidati eletti akkreditat lill-partit li jkollu maġġoranza assoluta jew lill-partit li jkollu maġġoranza relattiva (skont il-każ) ikun jirrappreżenta fil-konfront tan-numru totali ta' membri eletti fil-Kamra tad-Deputati jkun anqas mill-proporzjon li l-għadd ta' voti akkreditati lil dawk il-kandidati fl-ewwel għadd tal-voti kollha jkun jirrappreżenta fil-konfront tat-total tal-voti akkreditati f'dak l-istess l-ewwel għadd tal-voti kollha lill-kandidati kollha tal-partiti kollha li jkollhom il-kandidati tagħhom eletti, in-numru tal-kandidati eletti ta' dak il-partit għandu jiżdied (skont ma jkun il-każ) b'numru ta' kandidati addizzjonali fiċ-ċirkostanzi skont ma jiġi stabbilit minn u skont id-disposizzjonijiet tat-Taqsima IV tar-Regolamenti dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Klassifika tal-Poloz tal-Votazzjoni, Elezzjonijiet Każwali u b'Għażla) li hemm fit-Tlettax-il Skeda li tinsab mal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u l-Anness ma' dik l-Iskeda (hawn iżjed 'il quddiem imsejħa "ir-regolamenti rilevanti") kif dawn ikunu fis-seħħ fit-30 ta' Settembru 2007 jew kif dawn jiġu sussegwentement emendati jew sostitwiti bil-mod provdut fis-subartikolu (3):
Iżda wkoll:
- (i) jekk jiġri li jkun hemm riżultat tal-elezzjoni skont m'hemm provdut fis-subparagrafu (i) tal-ewwel proviso li hemm ma' dan is-subartikolu iżda sakemm ikun hemm wieħed biss partit li jkollu minoranza; jew
- (ii) jekk jiġri li jkun hemm riżultat tal-elezzjoni skont m'hemm provdut fis-subparagrafu (ii) tal-ewwel proviso li hemm ma' dan is-subartikolu,
u l-proporzjon li n-numru ta' kandidati eletti akkreditati lill-partit li jkollu minoranza jkun jirrappreżenta fil-konfront tan-numru totali ta' membri eletti tal-Kamra tad-Deputati jkun inqas mill-proporzjon li n-numru ta' voti akkreditati lill-kandidati kollha tiegħu fl-ewwel għadd tal-voti kollha jkun jirrappreżenta fil-konfront tat-total ta' voti akkreditati fl-istess l-ewwel għadd mill-voti kollha lill-kandidati kollha tal-partiti kollha li jkollhom ilkandidati tagħhom eletti, in-numru tal-kandidati eletti tal-partit li jkollu minoranza għandu jiżdied b'numru ta' kandidati addizzjonali li jiġi stabbilit skont ir-regolamenti rilevanti kif dawn ikunu fis-seħħ fit-30 ta' Settembru 2007 jew kif dawn jiġu sussegwentement emendati jew sostitwiti bil-mod provdut għaldaqstant fis-subartikolu (3).
F'kull każ kif previst fl-ewwel u fit-tieni proviso li hemm ma' dan is-subartikolu, dawk il-persuni għandhom jiġu dikjarati mill-Kummissjoni Elettorali bħala li jkunu ġew eletti biex jimlew il-postijiet addizzjonali li jirriżultaw skont dawk il-proviso li, għax ikunu kandidati tal-partit li jkun ser jiġi akkreditat bil-postijiet addizzjonali, ġew akkreditati mill-Kummissjoni Elettorali fl-aħħar għadd bl-ogħla jew bin-numru ta' voti li jmiss l-aktar għoli mingħajr ma jkunu ġew eletti, irrispettivament mid-distrett fejn jinkiseb dak l-ogħla numru ta' voti jew ta' voti li jmiss l-aktar għoli.
(2) Jekk xi persuna li ma tkunx membru tal-Kamra tad-Deputati tiġi eletta biex tkun Speaker tal-Kamra hija għandha, bis-saħħa li tkun tiddetjeni l-kariga ta' Speaker, tkun membru tal-Kamra b'żieda mal-membri l-oħra:
Iżda f'kull każ bħal dak l-iSpeaker ma jitqiesx bħala membru tal-Kamra sabiex jiġi stabbilit in-numru ta' voti meħtieġa li jkunu favur abbozz għal xi wieħed mill-finijiet tal-artikolu 66 ta' din il-Kostituzzjoni.
(3) Id-disposizzjonijiet tat-Taqsima IV tar-Regolamenti dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Klassifika tal-Poloz tal-Votazzjoni, Elezzjonijiet Każwali u b'Għażla) li hemm fit-Tlettax-il Skeda li tinsab mal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u l-Anness ma' dik l-Iskeda, kif fis-seħħ fil-bidu fis-seħħ ta' dan is-subartikolu jistgħu biss jiġu mħassra, emendati jew sostitwiti b'abbozz biex isir Att tal-Parlament mgħoddi bil-mod speċifikat fis-subartikolu (2) tal-artikolu 66 ta' din il-Kostituzzjoni.
Kwalifiki ta' Membru tal-Kamra tad-Deputati. (art. 53)
[edit]- Emendat: IV. 2018.3
53. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-artikolu 54 ta' din il-Kostituzzjoni, persuna tkun kwalifikata biex tkun eletta bħala membru tal-Kamra tad-Deputati jekk ikollha, u ma tkunx kwalifikata biex tkun hekk eletta kemm-il darba ma jkollhiex l-età ta' tmintax-il sena u l-kwalifiki għar-reġistrazzjoni bħala elettur għall-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati msemmija fil-paragrafi (a) u (ċ) tal-artikolu 57 ta' din il-Kostituzzjoni.
Skwalifiki ta' membru tal-Kamra tad-Deputati. (art. 54)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.21; XXXVIII. 1976.2; XXI. 2007.5; IV. 2018.4.
54. (1) Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun elett bħala membru tal-Kamra tad-Deputati -
- (a) jekk ikun ċittadin ta' pajjiż li ma jkunx Malta billi jkun sar hekk ċittadin volontarjament jew ikun taħt dikjarazzjoni ta' lealtà lejn pajjiż bħal dak;
- (b) ħlief kif ikun provdut xort'oħra mill-Parlament, jekk ikun jiddetjeni jew ikun qed jaġixxi f'xi kariga pubblika jew ikun membru tal-forzi armati tal-Gvern ta' Malta;
- (ċ) jekk ikun parti fi, jew ikun soċju b'responsabbiltà illimitata f'soċjetà jew direttur jew manager ta' kumpannija li tkun parti fi, kuntratt mal-Gvern ta' Malta li jkun kuntratt ta' appalt għal xi xogħol jew kuntratt għall-provvista ta' merkanzija biex tiġi wżata fil-qadi tal-pubbliku u ma jkunx, għeluq xahar qabel id-data tal-elezzjoni, ippubblika fil-Gazzetta avviż li juri x-xorta ta' xi kuntratt bħal dak, u l-interess tiegħu, jew l-interess ta' xi soċjetà jew kumpannija bħal dik, fih;
- (d) ikun fallut mhux rijabilitat, billi jkun ġie dikjarat fallut b'sentenza jew xort'oħra dikjarat fallut skont xi liġi li tkun isseħħ f'Malta;
- (e) jekk ikun interdett jew inabilitat minħabba xi mard mentali jew minħabba prodigalità minn qorti f'Malta, jew ikun xort'oħra deċiż f'Malta li jkun ta' moħħ marid;
- (f) ikun taħt kundanna tal-mewt imposta fuqu minn xi qorti f'Malta jew ikun qed jiskonta kundanna ta' priġunerija (tkun kif tkun imsejħa) ta' aktar minn tnax il-xahar imposta fuqu minn qorti bħal dik jew sostitwita minn awtorità kompetenti għal xi kundanna oħra imposta fuqu minn qorti bħal dik;
- (g) jekk ikun jiddetjeni jew ikun jaġixxi f'xi kariga li l-funzjonijiet tagħha jinvolvu xi responsabbiltà għal, jew dwar, it-tmexxija ta' xi elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati jew il-kompilazzjoni jew reviżjoni ta' xi reġistru elettorali;
- (h) jekk ikun skwalifikat milli jkun membru tal-Kamra tad-Deputati bi jew skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta minħabba li jkun ġie misjub ħati ta' xi reat dwar l-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati;
- (i) jekk ma jkunx għalaq l-età ta' tmintax-il sena.
(2) Għall-finijiet tal-paragrafu (f) tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu -
- (a) żewġ kundanni jew aktar li jkunu meħtieġa li jiġu skuntati konsekuttivament għandhom jitqiesu bħala kundanni separati jekk ebda waħda minnhom ma tkun għal iżjed minn tnax-il xahar, iżda jekk waħda minnhom tkun iżjed minn dak it-terminu għandhom jitqiesu bħala kundanna waħda; u
- (b) ebda kont ma għandu jittieħed ta' xi kundanna ta' priġunerija imposta bħala alternattiva għal, jew minħabba nuqqas ta', il-ħlas ta' multa.
(3) Persuna ma għandhiex tiġi meqjusa bħala li tiddetjeni, jew li taġixxi fi, kariga pubblika għall-fini tal-paragrafu (b) tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu -
- (a) jekk tkun bil-permess ta' assenza qabel it-tluq minn kariga pubblika;
- (b) jekk tkun surmast fl-Università ta' Malta li ma tkunx skont il-kondizzjonijiet tal-impieg tagħha impeduta mill-prattika privata tal-professjoni tagħha jew mitluba li tagħti l-ħin kollu tagħha għad-disposizzjoni tal-Gvern ta' Malta.
Tiżmim ta' kariga ta' membri. (art. 55)
[edit]Emendat: XXXVIII. 1976.3; XXIV. 2015.46.
55. (1) Il-post ta' membru tal-Parlament isir vakanti -
- (a) max-xoljiment sussegwenti tal-Parlament wara l-elezzjoni tiegħu;
- (b) jekk jirriżenja mill-post tiegħu b'kitba minn idejh indirizzata lill-iSpeaker jew, jekk il-kariga ta' Speaker tkun vakanti jew l-iSpeaker ikun assenti minn Malta, lid-Deputy Speaker;
- (ċ) jekk huwa jsir parti f'xi kuntratt mal-Gvern ta' Malta li jkun kuntratt ta' appalt għal xi xogħol jew kuntratt għall-provvista ta' merkanzija biex tiġi wżata fil-qadi tal-pubbliku, jew jekk xi soċjetà li fiha huwa jkun soċju b'responsabbiltà illimitata jew kumpannija li tagħha huwa jkun direttur jew manager issir parti f'xi kuntratt bħal dak, jew jekk isir soċju b'responsabbiltà illimitata f'soċjetà jew direttur jew manager ta' kumpannija li tkun parti f'xi kuntratt bħal dak:
- Iżda huwa ma jivvakax il-post tiegħu skont id-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu jekk qabel ma jsir parti fil-kuntratt jew qabel ma, jew kemm jista' jkun prattikabbli wara li, isir xort'oħra nteressat fil-kuntratt (kemm bħala soċju b'responsabbiltà illimitata f'soċjetà jew bħala direttur jew manager ta' kumpannija) huwa jikxef lill-iSpeaker ix-xorta talkuntratt u l-interess tiegħu jew l-interess tas-soċjetà jew kumpannija fih u l-Kamra tad-Deputati b'riżoluzzjoni teżentah mid- disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu;
- (d) jekk ikun assenti mis-seduti tal-Kamra tad-Deputati għal dak il-perijodu u f'dawk iċ-ċirkostanzi li jistgħu jkunu preskritti mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra;
- (e) jekk itemm milli jkun ċittadin ta' Malta;
- (f) jekk itemm milli jkun kwalifikat għar-reġistrazzjoni bħala elettur għall-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati;
- (ff) jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li kandidat elett ikun ta informazzjoni li tkun falza fil-prospett tal-ispejjeż elettorali jew li kandidat elett ikun nefaq ammont fi spejjeż elettorali li jaqbeż l-ammont permissibbli mil-liġi;
- (g) bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu, jekk jinqalgħu xi ċirkostanzi li, kieku ma kienx membru tal-Kamra tad-Deputati, kienu jġegħluh ikun skwalifikat għal elezzjoni għaliha.
(2) (a) Jekk ċirkostanzi bħal dawk li huma msemmija fil-paragrafu (g) tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu jinħolqu billi xi membru tal-Kamra tad-Deputati jkun taħt kundanna tal-mewt jew priġunerija, interdett jew inabilitat jew dikjarat b'sentenza li jkun moħħu marid, dikjarat b'sentenza jew dikjarat xort'oħra fallut jew misjub ħati ta' reat dwar elezzjonijiet u jekk il-membru jkun jista' jappella kontra d-deċiżjoni (sew bil-permess ta' qorti jew awtorità oħra jew mingħajr dak il-permess), huwa jtemm minnufih milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kamra iżda, bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, huwa ma jivvakax il-post tiegħu sat-tmiem ta' perijodu ta' tletin ġurnata wara dakinhar:
Iżda l-iSpeaker jista', minn żmien għal żmien, jestendi dak il-perijodu għal perijodi oħra ta' tletin ġurnata biex il-membru jkun jista' jkompli appell kontra d-deċiżjoni, hekk illi estensjonijiet ta' żmien li jeċċedu fit-total globali mija u ħamsin ġurnata ma għandhomx jingħataw mingħajr l-approvazzjoni, murija b'riżoluzzjoni, tal-Kamra.
- (b) Jekk, mad-deċiżjoni ta' xi appell, dawk iċ-ċirkostanzi jkomplu jeżistu u ebda appell ieħor ma jkun jista' jsir mill-membru, jew jekk, minħabba t-temm ta' xi perijodu għall-egħmil ta' appell jew avviż dwaru jew iċ-ċaħda ta' permess għal appell jew għal xi raġuni oħra, jispiċċa milli l-membru jkun jista' jappella, huwa għandu minnufih jivvaka l-post tiegħu.
- (ċ) Jekk f'xi żmien qabel ma l-membru jivvaka l-post tiegħu dawk iċ-ċirkostanzi bħalma ntqal qabel itemmu milli jeżistu, il-post tiegħu ma jsirx vakanti mat-tmiem tal-perijodu msemmi fil-paragrafu (a) ta' dan is-subartikolu u huwa jkun jista' jirreżumi l-qadi tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kamra tad-Deputati.
- (d) Għall-finijiet ta' dan is-subartikolu "appell" tfisser, fil-każ ta' ordni minn qorti ta' ġurisdizzjoni volontarja għall-interdizzjoni jew inabilitazzjoni ta' membru tal-Kamra tad-Deputati, it-teħid ta' xi azzjoni għar-reviżjoni ta' dak l-ordni quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili.
Votazzjoni f'elezzjonijiet. (art. 56)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.22. Emendat: IV. 1987.4; XXI. 2007.6.
56.* (1) Il-membri tal-Kamra tad-Deputati għandhom jiġu eletti fuq il-prinċipju tar-rappreżentanza proporzjonali permezz ta' vot singlu trasferibbli minn dak in-numru ta' distretti elettorali, li jkun numru fard u li ma jkunx inqas minn disgħa u mhux iżjed minn ħmistax, kif il-Parlament għandu minn żmien għal żmien jistabbilixxi.
(2) L-elezzjoni tal-membri tal-Kamra tad-Deputati għandha tkun ħielsa minn attijiet illegali jew ta' korruzzjoni u indħil barrani.
(3) Ikun id-dmir tal-Kummissjoni Elettorali li tissospendi l-elezzjoni, jew fid-distretti elettorali kollha jew f'xi wieħed jew iktar minn dawk id-distretti, jekk ikollha raġuni xierqa li temmen li jkunu saru attijiet illegali jew ta' korruzzjoni jew reati oħra li għandhom x'jaqsmu mal-elezzjonijiet jew kien hemm indħil barrani u dawk l-attijiet, reati jew indħil ikunu pprevalew b'mod hekk estensiv jew ikunu ta' dik ix-xorta li raġonevolment ikunu mistennija li jkollhom effett fuq ir-riżultat tal-elezzjoni, fid-distretti elettorali kollha jew f'xi wieħed jew iktar minnhom.
(4) F'kull każ meta elezzjoni tiġi sospiża taħt is-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu, il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali għandu minnufih jirriferi l-kwistjoni lill-Qorti Kostituzzjonali għad-deċiżjoni tagħha.
(5) Meta tkun teżisti xi waħda mir-raġunijiet li fuqha tista' tiġi sospiża elezzjoni taħt is-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu u l-elezzjoni ma tkunx ġiet sospiża, jew jekk attijiet illegali jew ta' korruzzjoni jew reati oħra jew indħil barrani kif imsemmija f'dak is-subartikolu jistgħu raġonevolment jitqiesu li kellhom effett fuq ir-riżultat ta' elezzjoni, fid-distretti elettorali kollha jew f'wieħed jew aktar minnhom, kull persuna li għandha l-jedd għall-vot f'dik l-elezzjoni tista', mhux aktar tard minn tlett ijiem wara l-pubblikazzjoni tar-riżultat uffiċjali tal-elezzjoni, tirreferi lkwistjoni lill-Qorti Kostituzzjonali għad-deċiżjoni tagħha.
(6) Kull riferenza lill-Qorti Kostituzzjonali taħt jew is-subartikolu (4) jew is-subartikolu (5) ta' dan l-artikolu għandha ssir u għandha tiġi deċiża minn dik il-Qorti skont kull liġi li f'dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta. Fuq kull riferenza bħal dik il-Qorti jkollha, bla ħsara għal kull setgħat oħra, is-setgħa li tannulla lelezzjoni, fid-distretti elettorali kollha jew f'wieħed jew aktar minnhom, għal kull waħda mir-raġunijiet imsemmija f'dawk is-subartikoli, u li tagħti dawk id-direttivi u ordnijiet u li tagħti dawk ir-rimedji jew provvedimenti oħra li jidhrilha xierqa fiċ-ċirkostanzi u b'mod partikolari biex tiżgura li elezzjoni ħielsa, minflok dik li tkun ġiet annullata, issir mill-aktar fis possibbli.
(7) Meta tkun ġiet annullata elezzjoni taħt is-subartikolu (6) ta' dan l-artikolu, ir-riżultat tal-elezzjoni ma jkunx komplet qabel il-pubblikazzjoni tar-riżultat uffiċjali ta' elezzjoni valida fid-distretti elettorali kollha.
(8) Ħlief b'abbozz għal-Att tal-Parlament mgħoddi bil-mod speċifikat fis-subartikolu (2) tal-artikolu 66 ta' din il-Kostituzzjoni, ma għandu jsir ebda tibdil f'xi liġi -
- (a) li bih xi egħmil jew nuqqas ma jibqax att illegali jew ta' korruzzjoni jew reat ieħor dwar l-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati jew indħil barrani; jew
- (b) li jibdel jew iżid iċ-ċirkostanzi jew il-kondizzjonijiet li fihom jew taħthom l-egħmil jew in-nuqqas ikunu att illegali jew ta' korruzzjoni jew reat ieħor jew indħil barrani; jew
- (ċ) li jnaqqas il-piena li ħati jista' minn żmien għal żmien jeħel għal xi att jew reat ieħor jew indħil bħal dawk; u għall-finijiet ta' dan is-subartikolu d-disposizzjonijiet tas-subartikolu (7) tal-artikolu 66 ta' din il-Kostituzzjoni għandhom japplikaw bħallikieku riferenzi għat-tibdil f'xi waħda middisposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni kienu riferenzi għat-tibdil f'xi liġi.
(9) Ħadd ma jivvota fl-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati għal xi distrett elettorali jekk ma jkunx reġistrat skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta bħala elettur f'dak id-distrett.
(10) Fl-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati -
- (a) il-votazzjoni tkun bil-vot u għandha ssir b'dak il-mod li ma jikxifx kif il-vot ta' xi elettur partikolari jkun ingħata; u
- (b) ħadd ma jitħalla jivvota għan-nom ta' ħaddieħor:
Iżda jista' jsir provvediment b'liġi li bih, jekk persuna ma tkunx tista', minħabba għama, kawża fiżika oħra jew analfabetiżmu timmarka l-karta tal-vot tagħha, il-karta tal-vot tagħha tista' tiġi immarkata għan-nom tagħha u fuq direttivi tagħha minn xi persuna oħra li tkun qiegħda tissorvelja uffiċjalment il-votazzjoni fil-post tal-votazzjoni.
Iżda meta minħabba f'li persuna tkun għamja ma tkunx tista' timmarka l-karta tal-vot tagħha, jista' jiġi provdut b'liġi li jekk dik il-persuna hekk titlob din tkun tista' tingħata mezz adegwat u speċjali li permezz tiegħu hija tkun tista' timmarka l-karta tal-vot tagħha weħidha u mingħajr il-ħtieġa ta' ebda għajnuna.
(11) Il-karti tal-vot għandhom ikunu hekk magħmula sabiex illitterati jkunu jistgħu jiddistingwu bejn il-partiti politiċi li għalihom jappartjenu l-kandidati.
(12) Il-kandidati u l-aġenti tagħhom jiġu mogħtija faċilitajiet biex jaraw it-trasport tal-kaxxi tal-voti u s-siġillar u t-tneħħija tas-siġill tagħhom.
(13) Il-kliem "att illegali jew ta' korruzzjoni", "reati li għandhom x'jaqsmu mal-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati" u "indħil barrani" għandhom it-tifsir mogħti lilhom b'liġi li f'dak iż-żmien tkun fis-seħħ u li tkun tirregola t-tmexxija ta' elezzjonijiet jew indħil barrani dwar elezzjonijiet, u xi liġi bħal dik għandha titqies għall-finijiet ta' dan l-artikolu u tal-artikoli 32 sa 47 (magħdudin) ta' din il-Kostituzzjoni li tkun meħtieġa raġonevolment fl-interess tal-ordni pubbliku u raġonevolment ġustifikabbli f'soċjetà demokratika.
Kwalifika ta' eletturi. (art. 57)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.23; IV.2018.5.
57.* Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-artikolu 58 ta' din il-Kostituzzjoni, persuna tkun kwalifikata biex tkun reġistrata bħala elettur għall-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati jekk tkun, u ma tkunx kwalifikata biex tkun hekk reġistrata jekk ma tkunx -
- (a) ċittadin ta' Malta;
- (b) għalqet l-età ta' sittax-il sena; u
- (ċ) residenti f'Malta u matul it-tmintax-il xahar minnufih qabel ir-reġistrazzjoni tagħha hekk residenti għal perijodu kontinwu ta' sitt xhur jew għal perijodi li jammontaw fit-total globali għal sitt xhur:
- Iżda dan il-paragrafu ma japplikax għal persuna li tkun ordinarjament tirrisjedi f'Malta iżda ma tkunx tirrisjedi f'Malta kif meħtieġ b'dan il-paragrafu minħabba servizz barra minn Malta fis-servizz pubbliku, magħdud servizz fil-karigi msemmija fis-subartikolu (3) tal-artikolu 124 ta' din il-Kostituzzjoni, jew minħabba servizz barra minn Malta f'korp, jew bħala membru ta' korp, dixxiplinat kif imfisser fl-artikolu 47 ta' din il-Kostituzzjoni.
Skwalifika ta' eletturi. (art. 58)
[edit]- Emendat: VII. 2014.3.
58. Ħadd ma jkun kwalifikat li jkun reġistrat bħala elettur għall-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati jekk -
- (a) ikun interdett jew inabilitat minħabba xi mard mentali minn qorti f'Malta jew ikun xort'oħra deċiż f'Malta li jkun ta' moħħ marid;
- (b) ikun taħt kundanna ta' mewt imposta fuqu minn xi qorti f'Malta jew ikun qed jiskonta kundanna ta' priġunerija (tkun kif tkun imsejħa) ta' iżjed minn tnax il-xahar imposta fuqu minn qorti bħal dik jew sostitwita minn awtorità kompetenti għal xi kundanna oħra imposta fuqu minn qorti bħal dik; jew
- (ċ) ikun skwalifikat minn reġistrazzjoni bħala elettur minn jew skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta minħabba li jkun ġie misjub ħati ta' xi reat dwar l-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati.
Speaker u Deputy Speaker. (art. 59)
[edit]59. (1) Meta l-Kamra tad-Deputati tiltaqa' għall-ewwel darba wara xi elezzjoni ġenerali u qabel ma tipproċedi għat-tmexxija ta' xi xogħol ieħor, għandha teleġġi persuna biex tkun l-iSpeaker tal-Kamra; u jekk il-kariga ta' Speaker issir vakanti f'xi żmien qabel ix-xoljiment sussegwenti tal-Parlament, il-Kamra għandha, kemm jista' jkun malajr, teleġġi persuna oħra għal dik il-kariga.
(2) L-iSpeaker jista' jiġi elett jew -
- (a) minn fost persuni li jkunu membri tal-Kamra tad-Deputati, imma li ma jkunux Ministri jew Segretarji Parlamentari; jew
- (b) minn fost persuni li ma jkunux membri tal-Kamra tad-Deputati u jkunu kwalifikati għal elezzjoni bħala membri tagħha.
(3) Meta l-Kamra tad-Deputati tiltaqa' l-ewwel darba wara xi elezzjoni ġenerali u qabel ma tipproċedi għat-tmexxija ta' xi xogħol ieħor ħlief l-elezzjoni tal-iSpeaker, il-Kamra għandha teleġġi membru tal-Kamra, li ma jkunx Ministru jew Segretarju Parlamentari, biex ikun Deputy Speaker tal-Kamra; u jekk il-kariga ta' Deputy Speaker issir vakanti f'xi żmien qabel ix-xoljiment sussegwenti tal-Parlament, il-Kamra għandha, malli jkun konvenjenti, teleġġi membru ieħor bħal dak għal dik il-kariga.
(4) Persuna għandha tivvaka l-kariga ta' Speaker jew Deputy Speaker -
- (a) fil-każ ta' Speaker elett minn fost il-membri tal-Kamra tad-Deputati jew fil-każ tad-Deputy Speaker -
- (i) jekk itemm milli jkun membru tal-Kamra:
- Iżda l-iSpeaker ma għandux jivvaka l-kariga minħabba biss li jkun temm milli jkun membru tal-Kamra max-xoljiment tal-Parlament, sakemm il-Kamra tiltaqa' għall-ewwel darba wara dak ix-xoljiment;
- (ii) jekk jiġi maħtur biex ikun Ministru jew Segretarju Parlamentari;
- (b) fil-każ ta' Speaker elett minn fost persuni li ma jkunux membri tal-Kamra tad-Deputati -
- (i) meta l-Kamra tiltaqa' l-ewwel darba wara xi xoljiment tal-Parlament;
- (ii) jekk jinqalgħu xi ċirkostanzi li kienu jġegħluh li jkun skwalifikat għal elezzjoni bħala membru tal-Kamra tad-Deputati;
- (ċ) jekk javża r-riżenja tiegħu tal-kariga tiegħu lill-Kamra tad-Deputati jew jekk b'kitba taħt idejh indirizzata, fil-każ tal-iSpeaker lill-Iskrivan tal-Kamra u fil-każ tad-Deputy Speaker lill-iSpeaker (jew, jekk il-kariga ta' Speaker tkun vakanti jew l-iSpeaker ikun assenti minn Malta, lill-Iskrivan tal-Kamra) jirriżenja dik il-kariga; jew
- (d) fil-każ tad-Deputy Speaker, jekk jiġi elett biex ikun Speaker.
(5) (a) Jekk, bis-saħħa tas-subartikolu (2) tal-artikolu 55 ta' din il-Kostituzzjoni, l-iSpeaker jew id-Deputy Speaker ikun meħtieġ li jtemm milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kamra tad-Deputati huwa għandu jtemm ukoll milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala Speaker jew Deputy Speaker, skont il-każ, u dawk il-funzjonijiet għandhom sakemm huwa jivvaka l-post tiegħu fil-Kamra jew jirriżumi l-qadi tal-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, jiġu moqdija -
- (i) fil-każ tal-iSpeaker, mid-Deputy Speaker jew, jekk il-kariga ta' Deputy Speaker tkun vakanti jew id-Deputy Speaker ikun meħtieġ li jtemm milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kamra tad-Deputati bis-saħħa tas-subartikolu (2) tal-artikolu 55 ta' din il-Kostituzzjoni, minn dak il-membru tal-Kamra (li ma jkunx Ministru jew Segretarju Parlamentari) kif il-Kamra tista' teleġġi għal dan l-iskop;
- (ii) fil-każ tad-Deputy Speaker, minn dak il-membru tal-Kamra (li ma jkunx Ministru jew Segretarju Parlamentari) kif il-Kamra tista' teleġġi għal dan l-iskop.
- (b) Jekk l-iSpeaker jew Deputy Speaker jirreżumi l-qadi tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kamra, skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) tal-artikolu 55 ta' din il-Kostituzzjoni, huwa għandu jirreżumi wkoll il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu ta' Speaker jew Deputy Speaker, skont il-każ.
Twaqqif ta' Kummissjoni Elettorali. (art. 60)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.24.
60.* (1) Għandu jkun hemm Kummissjoni Elettorali għal Malta.
(2) Il-Kummissjoni Elettorali tkun magħmula minn Chairman, li jkun il-persuna li għal dak iż-żmien ikollha l-kariga ta' Kummissjonarju Elettorali Prinċipali u li tkun maħtura għal dik il-kariga mis-servizz pubbliku, u dak in-numru ta' membri li ma jkunx anqas minn erbgħa li jista' jkun preskritt b'xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
(3) Il-membri tal-Kummissjoni Elettorali għandhom jiġu maħtura mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, mogħti wara li jikkonsulta l-Kap tal-Oppożizzjoni.
(4) Ħadd ma jkun kwalifikat li jżomm kariga bħala membru tal-Kummissjoni Elettorali jekk ikun Ministru, Segretarju Parlamentari, membru ta', jew kandidat għall-elezzjoni għal, il-Kamra tad-Deputati jew uffiċjal pubbliku.
(5) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, membru tal-Kummissjoni Elettorali għandu jivvaka l-kariga tiegħu -
- (a) fit-tmiem ta' tliet snin mid-data tal-ħatra tiegħu jew f'dak iż-żmien qabel li jista' jkun speċifikat fid-dokument li bih ikun ġie maħtur; jew
- (b) jekk jinqalgħu xi ċirkostanzi li, kieku ma kienx membru tal-Kummissjoni, kienu jġegħluh ikun skwalifikat għall-ħatra bħala tali.
(6) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (7) ta' dan l-artikolu, membru tal-Kummissjoni Elettorali jista' jitneħħa mill-kariga mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.
(7) Membru tal-Kummissjoni Elettorali ma għandux jitneħħa mill-kariga ħlief għal inkapaċità li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (sew jekk minħabba mard mentali jew korporali jew għal xi raġuni oħra) jew għal imġieba ħażina.
(8) Jekk il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni Elettorali tkun vakanti jew jekk membru ma jkunx jista' għal xi raġuni jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, il-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, mogħti wara li jkun ikkonsulta l-Kap tal-Oppożizzjoni, jista' jaħtar persuna li tkun kwalifikata biex tkun maħtura bħala membru biex tkun membru temporanju tal-Kummissjoni; u kull persuna hekk maħtura għandha, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (5), (6) u (7) ta' dan l-artikolu, ittemm milli tkun membru bħal dak meta persuna tiġi maħtura biex timla l-vakanza jew, skont il-każ, meta l-membru li ma kienx jista' jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu jirreżumi dawk il-funzjonijiet.
(9) Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha skont din il-Kostituzzjoni l-Kummissjoni Elettorali ma tkunx suġġetta għaddirezzjoni jew kontroll ta' xi persuna jew awtorità oħra.
Distretti elettorali. (art. 61)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.25; XXI. 2007.2.
61.* (1) Il-Kummissjoni Elettorali għandha tirrivedi l-konfini tad-distretti elettorali msemmija fl-artikolu 56(1) ta' din il-Kostituzzjoni b'intervalli ta' mhux anqas minn sentejn u mhux iżjed minn ħames snin u tista', skont id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, tbiddel dawk il-konfini safejn tqis mixtieq skont ir-riżultat tar-reviżjoni:
Iżda l-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni bħal dik u, skont id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, tbiddel l-imsemmija konfini kull meta l-Parlament ikun għamel provvediment li jibdel in-numru ta' distretti elettorali; u b'żieda l-Kummissjoni tista' f'kull żmien tagħmel reviżjoni bħal dik u, skont id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, tibdel l-imsemmija konfini safejn tqis desiderabbli bħala konsegwenza tat-tiżmim ta' ċensiment tal-popolazzjoni bis-saħħa ta' xi liġi.
(2) Kull provvediment tal-Parlament li jibdel in-numru tad-distretti elettorali għandu jibda jseħħ meta t-tibdil tal-konfini tad-distretti elettorali li, skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu, huwa konsegwenzjali għalih jiġi fis-seħħ.
(3) Kull meta jsir tibdil tal-konfini mill-Kummissjoni skont dan l-artikolu għandu jkollhom effett id-disposizzjonijiet li ġejjin:
- (a) il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali għandu jgħarraf bit-tibdil, malajr kemm jista' jkun wara li jsir, lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni;
- (b) mhux aktar tard minn xahrejn wara li jirċievi dak it-tagħrif, il-Prim Ministru għandu jara li t-tibdil jitqiegħed quddiem il-Kamra tad-Deputati biex jiġi kunsidrat minnha;
- (ċ) mhux aktar tard minn ħames xhur wara li l-Prim Ministru jirċievi dak it-tagħrif, il-Kamra tista', b'riżoluzzjoni, jew tapprova t-tibdil jew tibagħtu lura lill-Kummissjoni biex terġa' tikkunsidrah mill-ġdid;
- (d) wara li jgħaddu sitt xhur mid-data li fiha t-tibdil ikun ġie mgħarraf lill-Prim Ministru, jew, jekk it-tibdil ikun ġie approvat mill-Kamra, malli jiġi hekk approvat, jew, jekk it-tibdil jintbagħat lura lill-Kummissjoni, wara li jgħaddu xahrejn minn meta hekk jintbagħat lura, il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali għandu jieħu ħsieb li t-tibdil jiġi pubblikat fil-Gazzetta jew fil-forma oriġinali tiegħu jew, jekk ikun ġie modifikat mill-Kummissjoni, kif hekk modifikat; u
- (e) kull tibdil bħal dak għandu jibda jseħħ mal-ewwel xoljiment tal-Parlament wara li t-tibdil ikun ġie pubblikat fil-Gazzetta skont il-paragrafu (d) ta' dan is-subartikolu:
- Iżda ebda ħaġa f'dan il-paragrafu ma għandha tiftiehem li timpedixxi l-pubblikazzjoni ta' xi reġistru elettorali jew xi ħtieġa oħra li għandha x'taqsam mar-reġistrazzjoni ta' eletturi milli jiġu esegwiti skont it-tibdil, taħt xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta, qabel dak ix-xoljiment.
(4) Kull tibdil tal-konfini ta' xi distrett elettorali skont dan l-artikolu għandu jsir b'dak il-mod li jiżgura li, fiż-żmien meta l-Kummissjoni tagħmel ir-reviżjoni tagħha, in-numru miksub bid-diviżjoni tal-elettorat totali fid-distrett (kif żgurat b'riferenza għar-reġistru elettorali fis-seħħ dak iż-żmien) bin-numru ta' membri li għandhom jiġu eletti għall-Kamra tad-Deputati minn dak id-distrett ikun kemm jista' jkun daqs il-kwota elettorali kemm ikun raġonevolment prattikabbli:
Iżda kull tibdil bħal dak jista' jsir b'dak il-mod li n-numru ta' eletturi f'dak id-distrett ikun, fiż-żmien meta l-Kummissjoni tagħmel ir-reviżjoni tagħha, akbar jew anqas mill-kwota elettorali moltiplikata bin-numru ta' membri li għandhom ikunu hekk eletti, iżda f'ebda każ b'aktar minn ħamsa fil-mija, sabiex jittieħed kont tal-viċinanza ġeografika, differenzi fid-densità ta' popolazzjoni u fatturi oħra rilevanti:
Iżda wkoll il-Gżira ta' Għawdex u l-gżejjer tal-Arċipelagu Malti minbarra l-Gżira ta' Malta għandhom flimkien ikunu ttrattati bħala distrett elettorali wieħed u ma jistgħux jinqasmu bejn żewġ distretti elettorali jew aktar.
(4A) Il-konfini tad-distretti elettorali għall-fini ta' xi elezzjonijiet ġenerali li jsiru wara x-xoljiment tal-Parlament wara l-1 ta' Settembru 2007 għandhom ikunu dawk il-konfini li kienu jeżistu f'dik id-data flimkien ma' dawk l-aġġustamenti li jsiru skont id-disposizzjonijiet tal-proviso li hemm mas-subartikolu (4B) ta' dan l-artikolu li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex id-distretti elettorali f'dawk l-elezzjonijiet ikunu jikkonformaw mad-disposizzjonijiet tat-tieni proviso li hemm mas-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu u tal-artikolu 61A ta' din il-Kostituzzjoni.
(4B) Minkejja d-disposizzjonijiet tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu, il-Kummissjoni Elettorali m'għandhiex tirrevedi l-konfini tad-distretti elettorali kif dawn ikunu jeżistu fl-1 ta' Settembru 2007 ħlief wara l-elezzjonijiet ġenerali li jsiru minnufih wara xxoljiment tal-Parlament minnufih wara dik id-data u dik irreviżjoni għandha ssir f'dawk l-intervalli mid-data meta jiġi pubblikat ir-riżultat uffiċjali ta' dawk l-elezzjonijiet skont m'hemm provdut fis-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu jew skont ma jista' jkun xort'oħra meħtieġ skont id-disposizzjonijiet tal-istess subartikolu:
Iżda l-Kummissjoni Elettorali għandha sat-30 ta' Settembru 2007 tirrevedi l-konfini tad-distretti elettorali safejn ikun meħtieġ, u daqstant kemm ikun meħtieġ biss, biex tagħmel dawk l-aġġustamenti f'dawk il-konfini sabiex id-distretti elettorali jkunu għall-fini ta' dawk l-elezzjonijiet jikkonformaw mad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu; u dawn l-aġġustamenti għandhom, minkejja kull disposizzjoni oħra ta' dan l-artikolu, jiġu fis-seħħ bil-pubblikazzjoni tar-reġistru kif korrett fit-30 ta' Settembru 2007.
(5) Għall-finijiet ta' kull reviżjoni magħmula skont dan l-artikolu, "kwota elettorali" tfisser in-numru miksub bid-diviżjoni tal-elettorat totali ta' Malta (kif żgurat mir-reġistru elettorali fis-seħħ fiż-żmien meta l-Kummissjoni tagħmel dik ir-reviżjoni) bin-numru totali ta' membri li għandhom ikunu eletti għall-Kamra tad-Deputati fl-elezzjoni ġenerali li ssir wara x-xoljiment sussegwenti tal-Parlament.
(6) It-tmexxija ta' elezzjonijiet f'kull distrett elettorali u ta' kull votazzjoni meħuda skont id-disposizzjonijiet tal-artikolu 66(3) ta' din il-Kostituzzjoni tkun suġġetta għad-direzzjoni u sorveljanza tal-Kummissjoni Elettorali.
Għawdex u l-gżejjer tal-Arċipelagu Malti minbarra l-Gżira ta' Malta m'għandhomx jinqasmu. (art. 61A)
[edit]- Miżjud: XXI. 2007.3.
61A. (1) Dawn id-disposizzjonijiet li ġejjin ta' dan l-artikolu għandhom japplikaw jekk, meta tkun qegħda ssir ir-reviżjoni tal-konfini tad-distretti elettorali skont id-disposizzjonijiet tal-artikolu 61 ta' din il-Kostituzzjoni, il-Kummissjoni Elettorali kien ikollha, li kieku ma kienx hemm id-disposizzjonijiet tat-tieni proviso mas-subartikolu (4) tal-istess artikolu, taqsam il-Gżira ta' Għawdex u l-gżejjer tal-Arċipelagu Malti minbarra l-Gżira ta' Malta, jew xi parti minnha, bejn żewġ distretti elettorali jew aktar.
(2) Il-Kummissjoni Elettorali għandha:
- (a) tistabbilixxi l-Gżira ta' Għawdex flimkien mal-gżejjer tal-Arċipelagu Malti minbarra l-Gżira ta' Malta bħala distrett elettorali wieħed; u
- (b) tapplika d-disposizzjonijiet tas-subartikoli (4) u (5) tal-artikolu 61 ta' din il-Kostituzzjoni b'riferenza biss għall-eletturi u d-distretti fil-Gżira ta' Malta mingħajr ma tinkludi fil-kalkoli tagħha d-distrett li minnu jkunu jagħmlu Għawdex u l-gżejjer l-oħra tal-Arċipelagu Malti jew l-eletturi li jkun hemm fih.
(3) Għall-finijiet tal-paragrafu (b) tas-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu, meta jkun qiegħed jiġi kalkulat in-numru ta' eletturi f'kull distrett elettorai fil-Gżira ta' Malta n-numru totali tad-distretti elettorali għandu jkun in-numru ta' distretti elettorali stabbilit bl-artikolu 17 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali nieqes wieħed.
Mili ta' vakanzi. (art. 62)
[edit]62. Kull meta l-post ta' xi membru tal-Kamra tad-Deputati jsir vakanti l-vakanza għandha timtela bil-mod provdut bi jew skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
Deċiżjoni ta' kwistjonijiet dwar membru. (art. 63)
[edit]- Emendat: XLVII. 1972.2; XXIV. 2015.47.
63. Kull kwistjoni jekk -
- (a) xi persuna tkunx ġiet eletta validament bħala membru tal-Kamra tad-Deputati;
- (b) xi membru tal-Kamra jkunx ivvaka l-post tiegħu fiha jew ikunx meħtieġ, skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) tal-artikolu 55 ta' din il-Kostituzzjoni, li jtemm milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala membru; jew
- (ċ) xi persuna tkunx ġiet eletta validament bħala Speaker minn fost persuni li ma jkunux membri tal-Kamra u, wara li tkun ġiet hekk eletta, tkunx ivvakat il-kariga ta' Speaker,
- (d) il-post ta' Membru tal-Parlament ikun sar vakanti skont il-paragrafu (ff) tas-subartikolu (1) tal-artikolu 55,
għandha tiġi mressqa quddiem u deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali skont id-disposizzjonijiet ta' xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
Skrivan tal-Kamra tad-Deputati u persunal tiegħu. (art. 64)
[edit]- Emendat: XLII. 2016.20.
64. (1) Għandu jkun hemm Skrivan tal-Kamra tad-Deputati.
(2) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (6) tal-artikolu 110 ta' din il-Kostituzzjoni u ta' kull liġi oħra li tkun tapplika dwar impjieg fis-settur pubbliku, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu, l-iSpeaker jista' jaħtar dawk l-uffiċjali u impjegati kif jista' jkun meħtieġ għat-twettiq tal-funzjonijiet, setgħat u dmirijiet taħt l-Att dwar is-Servizz Parlamentari. Din is-setgħa ta' ħatra tinkludi s-setgħa ta' approvazzjoni tan-numru ta' persuni li jistgħu jkunu maħtura taħt dan is-subartikolu kemm b'referenza għall-għadd totali kif ukoll dwar kull dmir speċifiku, is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg:
- Iżda meta l-għadd ta' karigi fis-Servizz Parlamentari jiġi approvat mill-Ministru għall-Finanzi u l-fondi jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu, ma jkun hemm bżonn ebda approvazzjonijiet amministrativi ulterjuri sabiex is-Servizz Parlamentari jikkonkludi kuntratti ta' impjieg skont dawk l-approvazzjonijiet.
Kariga ta' Ombudsman. (art. 64A)
[edit]- Miżjud: XIV. 2007.2. Emendat: XLII.2020.3.
64A.* (1) Ikun hemm Kummissarju għal Investigazzjonijiet Amministrattivi li jissejjaħ Ombudsman li jkollu l-funzjoni li jinvestiga kull azzjoni li ssir minn jew f'isem il-Gvern, jew minn dik l-awtorità, dak il-korp jew dik il-persuna oħra skont ma jista' jiġi provdut b'liġi (inkluża awtorità, korp jew kariga stabbiliti b'din il-Kostituzzjoni), li jkunu azzjonijiet li jsiru fit-twettiq tal-funzjonijiet amministrattivi tagħhom.
(2) L-Ombudsman għandu jinħatar mill-President li jaġixxi skont riżoluzzjoni tal-Kamra li tgħaddi bil-voti ta' mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra:
- Iżda illi minkejja d-dispożizzjoni ta' xi liġi oħra, jekk ir-Riżoluzzjoni ma jkollhiex favur tagħha l-voti ta' mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra, il-persuna li tkun tokkupa l-kariga ta' Ombudsman għandha, fi kwalunkwe ċirkostanza, tibqa' fil-kariga sakemm ir-Riżoluzzjoni jkollha favur tagħha l-voti ta' mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra:
- Iżda wkoll meta persuna li ma tkunx membru tal-Kamra tiġi eletta biex tkun l-Ispeaker tal-Kamra ma għandhiex titqies bħala membru tal-Kamra bil-għan li tiġi stabbilita l-maġġoranza meħtieġa minn dan l-artikolu.
(3) L-Ombudsman jista' f'kull ħin jitneħħa jew jiġi sospiż mill-kariga tiegħu mill-President, fuq indirizz mill-Kamra li jgħaddi bil-voti ta' mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra, fejn jitolbu għal din it-tneħħija fuq ir-raġuni ta' prova tal-inkapaċità tiegħu li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk jirriżulta minn nuqqas ta' saħħa fiżika jew mentali jew kwalunkwe kawża oħra) jew imġiba ħażina pruvata, u d-dispożizzjonijiet tal-proviso tas-subartikolu (2) għandhom japplikaw ukoll għall-fini li tiġi stabbilita l-maġġoranza meħtieġa taħt dan is-subartikolu:
- Iżda fi kwalunkwe ħin meta l-Parlament ma jkunx f'sessjoni, Ombudsman jista' jiġi sospiż mill-kariga tiegħu mill-President li jaġixxi skont id-diskrezzjoni tiegħu stess għall-inkapaċità li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu jew imġiba ħażina pruvata għas-sodisfazzjon tal-President; iżda kwalunkwe sospensjoni bħal din ma għandhiex tibqa' fis-seħħ aktar minn xahrejn wara l-bidu tas-sessjoni tal-Parlament li jmiss.
(4) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan is-subartikolu u mingħajr preġudizzju għas-subartikolu (1), l-Ombudsman jista' jmexxi kull investigazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu jew wara li jasallu lment bil-miktub ta' persuna li jkollha interess fil-kwistjoni li tkun ġiet leża minn xi azzjoni bħal dawk imsemmija, jew meta l-persuna leża tkun mietet jew għal kull raġuni li tkun ma tkunx kapaċi taġixxi f'isimha, tal-eredi jew rappreżentant tagħha:
- Iżda kwalunkwe Kumitat tal-Kamra jista' fi kwalunkwe ħin jirreferi lill-Ombudsman għal kwalunkwe petizzjoni li tkun quddiem il-Kumitat għall-konsiderazzjoni, jew kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam mal-petizzjoni. Fi kwalunkwe każ l-Ombudsman għandu, soġġett għal kwalunkwe direzzjoni speċjali tal-Kumitat, jinvestiga kwistjonijiet hekk msemmija, sa fejn ikunu fil-ġuriżdizzjoni tiegħu u jagħmel dak ir-rapport lill-Kumitat jekk jidhirlu xieraq:
- Iżda wkoll il-Prim Ministru jista' fi kwalunkwe ħin jirreferi lill-Ombudsman għall-investigazzjoni u jirrapporta kwalunkwe kwistjoni, għajr għal kwistjoni li tkun soġġetta għal proċeduri ġudizzjarji, li l-Prim Ministru jqis li għandha tiġi investigata mill-Ombudsman. Fejn, skont dan il-proviso, kwistjoni tiġi investigata mill-Ombudsman, huwa għandu jirrapporta dwarha lill-Prim Ministru, u wara jista' jagħmel dak ir-rapport lill-Parlament dwar il-kwistjoni kif jidhirlu xieraq:
- Iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, l-Ombudsman ma għandux ikun soġġett għad-direzzjoni u l-kontroll ta' kwalunkwe persuna jew awtorità:
- Iżda wkoll jekk l-Ombudsman matul jew wara xi investigazzjoni jkun tal-fehma li jkun hemm prova ta' att ta' korruzzjoni kif imfisser fl-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, l-Ombudsman jista' jirreferi dak li jkun irriżulta direttament lill-Avukat Ġenerali.
(5) Kull kwistjoni anċillari jew inċidentali għaliha jew li hija meqjusa neċessarja jew spedjenti għat-twettiq tal-funzjoni msemmija fis-subartikolu (1) għandha tiġi pprovduta minn Att tal-Parlament.
TAQSIMA 2 - Setgħat u Proċedura tal-Parlament
[edit]Setgħa ta' għemil ta' liġijiet. (art. 65)
[edit]- Emendat: V. 2003.7.
65. (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni, il-Parlament jista' jagħmel liġijiet għall-paċi, ordni u gvernar tajjeb ta' Malta b'mod konformi ma' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali u reġjonali ta' Malta partikolarment dawk assunti bit-trattat tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea iffirmat f'Ateni fis-16 ta' April, 2003.
(2) Bla ħsara għall-ġeneralità tas-subartikolu (1) u suġġetti għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (3), (4) u (5) ta' dan l-artikolu, il-Parlament jista' b'liġi jistabbilixxi l-privileġġi, immunitajiet u setgħat tal-Kamra tad-Deputati u l-membri tagħha.
(3)* Ma jistgħu jittieħdu ebda proċeduri ċivili jew kriminali kontra xi membru tal-Kamra tad-Deputati għal kliem li jkunu ntqalu quddiem, jew miktuba f'rapport lil, il-Kamra jew kumitat tagħha jew minħabba xi kwistjoni jew ħaġa miġjuba hemm minnu b'petizzjoni, abbozz, riżoluzzjoni, mozzjoni jew xort'oħra.
(4) Matul kull sessjoni l-membri tal-Kamra tad-Deputati għandhom igawdu libertà minn arrest għal kull dejn ċivili ħlief dejn li l-egħmil tiegħu jikkostitwixxi reat kriminali.
(5) Ebda proċediment maħruġ minn xi qorti fl-eżerċizzju ċivili tagħha ma għandu jiġi notifikat jew esegwit ġewwa r-reċinti tal-Kamra tad-Deputati waqt li l-Kamra tkun f'seduta jew permezz tal-iSpeaker, l-Iskrivan jew xi uffiċjal tal-Kamra.
Tibdil ta' din il-Kostituzzjoni. (art. 66)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.26. Emendat: IV. 1987.5; XIII. 2001.3; XIV. 2007.3; XLIV. 2016.3.
66. (1)* Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, il-Parlament jista' jibdel kull waħda mid-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni u (safejn tagħmel parti mil-liġi ta' Malta) kull waħda mid-disposizzjonijiet tal-Att tal-1964 dwar l-Indipendenza ta' Malta.
(2)* Safejn jibdel -
- (a) dan l-artikolu; jew
- (b) l-artikolu 1, is-subartikolu (2) tal-artikolu 2, is-subartikolu (1) tal-artikolu 3, is-subartikolu (1) tal-artikolu 5, l-artikolu 6, l-artikoli minn 32 sa 48 (it-tnejn inklużi), l-artikoli 51, 52, 56, 57, 60, 61 u 64A, is-subartikolu (3) tal-artikolu 65, is-subartikolu (2) tal-artikolu 75, l-artikolu 76 (barra mis-subartikolu (2) tiegħu), l-artikoli 77 u 78, l-artikolu 80, l-artikolu 91, l-artikoli 95, 96, 96A, 97, 98, 99, 100, 101A, 101B, l-artikoli minn 102 sa 110 (it-tnejn inklużi), l-artikoli 113, 114, 115A, 118, 119 jew 120 ta' din il-Kostituzzjoni; jew
- (ċ) l-artikolu 124 ta' din il-Kostituzzjoni fl-applikazzjoni tiegħu għal xi waħda mid-disposizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu (a) jew (b) ta' dan is-subartikolu,
abbozz għal Att tal-Parlament skont dan l-artikolu ma għandux jiġi mgħoddi mill-Kamra tad-Deputati kemm-il darba fil-votazzjoni finali dwaru f'dik il-Kamra ma jkollux favur tiegħu l-voti ta' mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra.
(3)** Safejn jibdel -
- (a) dan is-subartikolu jew is-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu; jew
- (b) is-subartikolu (2) tal-artikolu 76 ta' din il-Kostituzzjoni,
abbozz għal Att tal-Parlament skont dan l-artikolu ma għandux jiġi ppreżentat lill-President għall-kunsens tiegħu kemm-il darba mhux inqas minn tliet xhur u mhux iktar minn sitt xhur wara li jkun għadda mill-Kamra hekk kif speċifikat fis-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu ma jkunx ġie mqiegħed quddiem l-eletturi kwalifikati li jivvotaw għall-elezzjoni tal-membri tal-Kamra tad-Deputati u l-maġġoranza tal-eletturi li jivvotaw ma jkunux approvaw l-abbozz.
(4)** Id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (10) tal-artikolu 56 ta' din il-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għall-votazzjoni fuq abbozz imqiegħed quddiem l-eletturi skont is-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu kif japplikaw għall-votazzjoni fl-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati, u bla ħsara għal dak li ntqal qabel il-vot fuq dak l-abbozz għandu jittieħed b'dak il-mod kif jippreskrivi l-Parlament.
(5)* Safejn jibdel xi waħda mid-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni barra minn dawk speċifikati fis-subartikoli (2) u (3) ta' dan l-artikolu, abbozz għal Att tal-Parlament skont dan l-artikolu ma għandux jiġi mgħoddi mill-Kamra tad-Deputati kemm il-darba fil-votazzjoni finali dwaru f'dik il-Kamra ma jkollux favur tiegħu l-voti ta' maġġoranza tal-membri kollha tal-Kamra.
(6)* Att tal-Parlament li jibdel in-numru tal-membri tal-Kamra tad-Deputati ma għandux jolqot in-numru tal-membri tal-Kamra qabel ix-xoljiment tal-Parlament li jaħbat wara l-ħruġ tiegħu b'liġi.
(7)* F'dan l-artikolu -
- (a) riferenzi għal xi waħda mid-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni jew tal-Att tal-1964 dwar l-Indipendenza ta' Malta jinkludu riferenzi għal kull liġi li tiġi emendata jew tissostitwixxi dik id-disposizzjoni; u
- (b) riferenzi għat-tibdil ta' xi waħda mid-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni jew tal-Att tal-1964 dwar l-Indipendenza ta' Malta jinkludu riferenzi għall-emendar, modifika jew ħruġ b'liġi mill-ġdid b'emenda jew modifika jew mingħajrhom, ta' dik id-disposizzjoni, is-sospensjoni jew tħassir ta' dik id-disposizzjoni u l-egħmil ta' disposizzjoni differenti minflok dik id-disposizzjoni.
Regolar tal-proċedura fil-Kamra tad-Deputati. (art. 67)
[edit]67. (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni, il-Kamra tad-Deputati tista' tirregola l-proċedura tagħha stess.
(2) Il-Kamra tad-Deputati tista' taġixxi nonostanti xi vakanzi fost il-membri tagħha (magħduda kull vakanza mhux mimlija meta l-Kamra tiltaqa' għall-ewwel darba fil jew wara l-ġurnata stabbilita jew wara xi xoljiment tal-Parlament) u l-preżenza jew parteċipazzjoni ta' xi persuna mhux intitolata li tkun preżenti jew li tipparteċipa fil-proċeduri tal-Kamra ma tneħħix il-validità ta' dawk il-proċeduri.
(3) Kull disposizzjoni magħmula bis-saħħa tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu għat-twaqqif ta' Kumitati tal-Kamra biex jinvestigaw ħwejjeġ ta' importanza pubblika ġenerali għandha tkun hekk magħmula biex tiżgura illi, safejn ikun jidher prattikabbli lill-Kamra, kull Kumitat bħal dak ikun hekk magħmul li jkun jirrappreżenta b'mod xieraq lill-Kamra.
Ġurament li għandu jittieħed mill-membri tal-Kamra tad-Deputati. (art. 68)
[edit]68. Ebda membru tal-Kamra tad-Deputati ma jitħalla jieħu parti fil-proċeduri tal-Kamra (barra minn proċeduri meħtieġa għall-finijiet ta' dan l-artikolu) sakemm ma jkunx ħa u ffirma quddiem il-Kamra l-ġurament ta' lealtà:
Iżda l-elezzjoni tal-iSpeaker u Deputy Speaker tista' ssir qabel ma l-membri tal-Kamra jkunu ħadu u ffirmaw dak il-ġurament.
Min jippresjedi fil-Kamra tad-Deputati. (art. 69)
[edit]69. (1) Għandu jippresjedi f'kull seduta tal-Kamra tad-Deputati -
- (a) l-iSpeaker; jew
- (b) fl-assenza tal-iSpeaker, id-Deputy Speaker; jew
- (ċ) fl-assenza tal-iSpeaker u tad-Deputy Speaker, dak il-membru tal-Kamra (li ma jkunx Ministru jew Segretarju Parlamentari) li l-Kamra tista' teleġġi għal dak l-iskop.
(2) Riferenzi f'dan l-artikolu għal ċirkostanzi li fihom l-iSpeaker jew id-Deputy Speaker ikun assenti jinkludu riferenzi għal ċirkostanzi li fihom il-kariga ta' Speaker jew Deputy Speaker tkun vakanti.
Quorum fil-Kamra tad-Deputati. (art. 70)
[edit]70. (1) Jekk f'xi seduta tal-Kamra tad-Deputati xi membru li jkun preżenti jiġbed l-attenzjoni tal-persuna li tkun qed tippresjedi fis-seduta għall-assenza ta' quorum u, wara dak l-intervall li jista' jkun preskritt fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, il-persuna li tkun qed tippresjedi f'dik is-seduta tiżgura li quorum tal-Kamra jkun għadu mhux preżenti, il-Kamra għandha tiġi aġġornata.
(2) Għall-finijiet ta' dan l-artikolu -
- (a) quorum tal-Kamra tad-Deputati jkun magħmul minn ħmistax-il membru; u
- (b) il-persuna li tkun tippresjedi fis-seduta tal-Kamra ma tkunx magħduda fil-kalkolu jekk hemmx quorum preżenti.
Votazzjoni. (art. 71)
[edit]71. (1) Ħlief safejn ikun provdut xort'oħra f'din il-Kostituzzjoni, kull kwistjoni proposta għal deċiżjoni fil-Kamra tad-Deputati għandha tiġi deċiża b'maġġoranza tal-voti tal-membri tagħha preżenti u li jivvotaw.
(2) L-iSpeaker ma għandux jivvota dwar xi kwistjoni jekk mhux meta l-voti jkunu ndaqs, f'liema każ huwa jkollu u jeżerċita vot deċiżiv.
(3) Kull persuna oħra għandha, meta tippresjedi fil-Kamra tad-Deputati, iżżomm il-vot tagħha oriġinali bħala membru u, jekk dwar xi kwistjoni, il-voti jkunu ndaqs, ikollha wkoll u teżerċita vot deċiżiv.
Mod ta' eżerċizzju tas-setgħat leġislativi. (art. 72)
[edit]- Emendat: LVIII.1974.27.
72. (1) Is-setgħa tal-Parlament li jagħmel liġijiet għandha tiġi eżerċitata b'abbozzi mgħoddija mill-Kamra tad-Deputati, u bil-kunsens mogħti għalihom mill-President.
(2) Meta abbozz jiġi preżentat lill-President għall-kunsens, huwa għandu mingħajr dewmien juri li jagħti l-kunsens.
(3) Abbozz ma għandux isir liġi kemm-il darba ma jkunx ġie mgħoddi kif imiss u ma jkunx ġie mogħti l-kunsens għalih skont din il-Kostituzzjoni.
(4) Meta liġi jkun ġie mogħti l-kunsens għaliha mill-President din għandha bla dewmien tiġi pubblikata fil-Gazzetta u ma għandhiex tibda sseħħ sakemm ma tkunx hekk pubblikata, iżda l-Parlament jista' jipposponi l-bidu fis-seħħ ta' xi liġi bħal dik u jista' jagħmel liġijiet b'effett retroattiv.
Restrizzjoni dwar ċerti miżuri finanzjarji. (art. 73)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.28.
73. Ħlief wara rakkomandazzjoni tal-President murija minn Ministru, il-Kamra tad-Deputati ma għandhiex -
- (a) tipproċedi dwar xi abbozz (magħduda kull emenda għal abbozz) li, fil-fehma tal-persuna li tkun tippresjedi, jipprovdi għal xi wieħed mill-iskopijiet li ġejjin, jiġifieri, biex jimponi jew iżid xi taxxa, biex jimponi jew iżid xi piż fuq id-dħul jew fondi oħra ta' Malta jew biex jibdel xi piż bħal dak xort'oħra milli billi jnaqqsu, jew biex isir ftehim jew maħfra dwar xi dejn dovut lil Malta;
- (b) tipproċedi dwar xi mozzjoni (magħduda kull emenda għal mozzjoni) li l-effett tagħha, fil-fehma tal-persuna li tkun tippresjedi, ikun li tipprovdi għal xi wieħed mill-iskopijiet imsemmija qabel; jew
- (ċ) tirċievi xi petizzjoni li, fil-fehma tal-persuna li tkun tippresjedi, teħtieġ li jsir provvediment għal xi wieħed mill-iskopijiet imsemmija qabel.
Ilsien tal-Liġijiet. (art. 74)
[edit]74. Ħlief kif provdut xort'oħra mill-Parlament, kull liġi għandha ssir kemm bl-ilsien Malti kif ukoll bl-ilsien Ingliż u, jekk ikun hemm xi konflitt bejn it-test Malti u t-test Ingliż ta' xi liġi, it-test Malti għandu jipprevali.
TAQSIMA 3 - Sejħa, Proroga u Xoljiment
[edit]Sessjonijiet tal-Parlament. (art. 75)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.29.
75. (1) Kull sessjoni tal-Parlament għandha tibda f'dak iż-żmien li l-President jista' bi proklama jistabbilixxi u għandha tinżamm f'dak il-post jew f'dawk il-postijiet li l-President bi proklama, jew li l-Kamra tad-Deputati b'kull mod li jidhrilha xieraq, jistgħu minn żmien għal żmien jistabbilixxu.
(2)* Għandu jkun hemm sessjoni tal-Parlament għall-inqas darba kull sena, hekk illi perijodu ta' tnax-il xahar ma jgħaddix bejn l-aħħar seduta tal-Parlament f'sessjoni waħda u l-ewwel seduta tiegħu fis-sessjoni sussegwenti.
(3) Il-Kamra tad-Deputati għandha tiltaqa' mhux aktar tard minn xahrejn wara l-pubblikazzjoni tar-riżultat uffiċjali ta' xi elezzjoni ġenerali mill-Kummissjoni Elettorali f'ġurnata stabbilita mill-President.
Proroga u xoljiment tal-Parlament. (art. 76)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.30.
76. (1)* Il-President jista' f'kull żmien bi proklama jipproroga jew ixolji l-Parlament.
(2)** Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu, il-Parlament, jekk ma jkunx xolt aktar kmieni, għandu jkompli għal ħames snin mid-data tal-ewwel seduta tiegħu wara xi xoljiment u għandu wara dan ixolji.
(3)* F'kull żmien meta Malta tkun fi gwerra, il-Parlament jista' minn żmien għal żmien jestendi l-perijodu ta' ħames snin speċifikat fis-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu għal mhux iżjed minn tnax-il xahar kull darba:
Iżda l-ħajja tal-Parlament ma għandhiex tiġi estiża skont dan is-subartikolu għal aktar minn ħames snin.
(4)* Jekk bejn xoljiment tal-Parlament u l-elezzjoni ġenerali sussegwenti ta' membri tal-Kamra tad-Deputati tinħoloq emerġenza ta' dik ix-xorta li, fil-fehma tal-Prim Ministru jkun jeħtieġ li jerġa' jissejjaħ il-Parlament, il-President jista' bi proklama jsejjaħ il-Parlament li jkun ġie xolt biex jiltaqa', u dak il-Parlament għandu wara dan jitqies (ħlief għall-fini tal-artikolu 77 u, dwar l-elezzjoni ġenerali sussegwenti, l-artikoli 61(3) u 66(6) ta' din il-Kostituzzjoni) li ma jkunx ġie xolt iżda għandu jitqies (ħlief kif ingħad qabel) li jiġi xolt fid-data li fiha l-votazzjoni tkun konkluża fl-elezzjoni ġenerali sussegwenti.
(5)* Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu skont dan l-artikolu l-President għandu jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru:
Iżda -
- (a) jekk il-Kamra tad-Deputati tgħaddi riżoluzzjoni, li jkollha voti favur tagħha ta' maġġoranza tal-membri kollha tagħha, li ma għandhiex fiduċja fil-Gvern, u l-Prim Ministru fi żmien tliet ijiem la ma jirriżenja mill-kariga tiegħu u l-anqas jagħti parir għal xoljiment, il-President jista' jxolji l-Parlament;
- (b) jekk il-kariga ta' Prim Ministru tkun vakanti u President iqis li x'aktarx ma jkunx jista' fi żmien raġonevoli jaħtar għal dik il-kariga persuna li jista' jkollha l-appoġġ ta' maġġoranza tal-membri tal-Kamra tad-Deputati, il-President jista' jxolji l-Parlament; u
- (ċ) jekk il-Prim Ministru jirrakkomanda xoljiment u l-President iqis li l-Gvern ta' Malta jista' jitkompla mingħajr xoljiment u illi xoljiment ma jkunx fl-interess ta' Malta, il-President jista' jirrifjuta li jxolji l-Parlament.
Elezzjonijiet ġenerali. (art. 77)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.31.
77.* Elezzjoni ġenerali tal-membri tal-Kamra tad-Deputati għandha tinżamm f'dak iż-żmien għeluq tliet xhur wara kull xoljiment tal-Parlament kif il-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, għandu jistabbilixxi bi proklama.
KAPITOLU VII - L-Esekuttiv
[edit]Awtorità esekuttiva ta' Malta. (art. 78)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.32.
78.* (1) L-awtorità esekuttiva ta' Malta hija fil-President.
(2) L-awtorità esekuttiva ta' Malta għandha tiġi eżerċitata mill-President, jew direttament jew permezz ta' uffiċjali subordinati għalih, skont id-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni.
(3) Ebda ħaġa f'dan l-artikolu ma timpedixxi lill-Parlament milli jikkonferixxi funzjonijiet fuq persuni jew awtoritajiet li ma jkunux il-President.
Il-Kabinett. (art. 79)
[edit]79. (1) Għandu jkun hemm Kabinett għal Malta li jkun magħmul mill-Prim Ministru u dak in-numru ta' Ministri oħra li jistgħu jiġu maħtura skont l-artikolu 80 ta' din il-Kostituzzjoni.
(2) Il-Kabinett ikollu d-direzzjoni ġenerali u l-kontroll tal-Gvern ta' Malta u jkun responsabbli kollettivament dwar hekk lejn il-Parlament.
Ħatra ta' Ministri. (art. 80)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.33.
80.* Kull meta jkun hemm lok għall-ħatra ta' Prim Ministru, il-President għandu jaħtar bħala Prim Ministru l-membru tal-Kamra tad-Deputati li, fil-ġudizzju tiegħu, ikun l-aħjar li jkun jista' jgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Kamra u għandu, waqt li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, jaħtar lill-Ministri l-oħra minn fost il-membri tal-Kamra tad-Deputati:
Iżda jekk ikun hemm lok għall-egħmil ta' ħatra għall-kariga ta' Prim Ministru jew xi Ministru ieħor waqt li l-Parlament ikun xolt, persuna li kienet membru tal-Kamra tad-Deputati minnufih qabel ix-xoljiment tista' tiġi maħtura bħala Prim Ministru jew xi Ministru ieħor bħallikieku, f'kull każ, dik il-persuna kienet għadha membru tal-Kamra tad-Deputati, iżda kull persuna hekk maħtura għandha tivvaka l-kariga fil-bidu tas-sessjoni sussegwenti tal-Parlament jekk ma tkunx f'dak iż-żmien membru tagħha.
Tiżmim ta' kariga ta' Ministri. (art. 81)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.34.
81. (1) Jekk il-Kamra tad-Deputati tgħaddi riżoluzzjoni, li jkollha favur tagħha l-voti ta' maġġoranza tal-membri kollha tagħha, li ma jkollhiex fiduċja fil-Gvern, il-President jista' jneħħi l-Prim Ministru mill-kariga:
Iżda l-President ma għandux jagħmel hekk jekk ma jkunux għaddew tliet ijiem u jkun iddeċida li ma jxoljix il-Parlament skont l-artikolu 76 ta' din il-Kostituzzjoni.
(2) Il-kariga ta' Prim Ministru ssir ukoll vakanti -
- (a) meta, wara xi xoljiment tal-Parlament, il-Prim Ministru jkun informat mill-President li l-President ikun sejjer jaħtru mill-ġdid bħala Prim Ministru jew sejjer jaħtar persuna oħra bħala Prim Ministru;
- (b) jekk itemm milli jkun membru tal-Kamra tad-Deputati xort'oħra milli b'xoljiment tal-Parlament; jew
- (ċ) jekk, skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) tal-artikolu 55 ta' din il-Kostituzzjoni, huwa jkun meħtieġ li jtemm milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kamra tad-Deputati.
(3) Il-kariga ta' Ministru, minbarra dik ta' Prim Ministru, għandha ssir vakanti-
- (a) mal-ħatra jew ħatra mill-ġdid ta' xi persuna għall-kariga ta' Prim Ministru;
- (b) jekk il-ħatra tiegħu għall-kariga tiegħu tiġi mħassra mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru;
- (ċ) jekk itemm milli jkun membru tal-Kamra tad-Deputati xort'oħra milli b'xoljiment tal-Parlament; jew
- (d) jekk, skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) tal-artikolu 55 ta' din il-Kostituzzjoni, huwa jkun meħtieġ li jtemm milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kamra tad-Deputati.
Assenjazzjoni ta' portafolji lill-Ministri. (art. 82)
[edit]- Emendat: LVIII.1974.35.
82. (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni, il-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, jista', b'direttivi bil-miktub, jassenja lill-Prim Ministru jew kull Ministru ieħor responsabbiltà ta' kull xogħol tal-Gvern ta' Malta magħduda l-amministrazzjoni ta' xi dipartiment tal-gvern.
(2) Ebda ħaġa f'dan l-artikolu ma tagħti setgħa lill-President li jagħti lil xi Ministru awtorità biex jeżerċità xi setgħa jew jaqdi xi dmir li hija mogħtija jew huwa impost minn din il-Kostituzzjoni jew xi liġi oħra fuq xi persuna jew awtorità li ma tkunx dak il-Ministru.
Aġent Prim Ministru. (art. 83)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.36.
83. (1) Kull meta l-Prim Ministru jkun assenti minn Malta jew bil-vaganzi, jew ma jkunx jista' minħabba mard jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, il-President jista' jawtorizza xi membru ieħor tal-Kabinett biex jaqdi dawk il-funzjonijiet (li ma jkunux dawk il-funzjonijiet mogħtija b'dan l-artikolu) u dak il-membru jkun jista' jaqdi dawk il-funzjonijiet sakemm l-awtorità tiegħu tiġi revokata mill-President.
(2) Is-setgħat tal-President skont dan l-artikolu għandhom jiġu eżerċitati minnu skont il-parir tal-Prim Ministru:
Iżda jekk il-President iqis li ma jkunx prattikabbli li jikseb il-parir tal-Prim Ministru minħabba l-assenza jew mard tiegħu huwa jkun jista' jeżerċità dawk is-setgħat mingħajr dak il-parir.
Ministri temporanji. (art. 84)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.37.
84. (1) Kull meta Ministru li ma jkunx il-Prim Ministru ma jkunx jista', minħabba mard jew assenza tiegħu minn Malta, jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, il-President jkun jista' jaħtar membru ieħor tal-Kamra tad-Deputati biex ikun Ministru temporanju:
Iżda jekk ikun hemm lok għall-egħmil ta' ħatra waqt li l-Parlament ikun xolt, persuna li, minnufih qabel ix-xoljiment, kienet membru tal-Kamra tad-Deputati tista' tiġi maħtura bħala Ministru temporanju bħallikieku kienet għadha membru ta' dik il-Kamra, iżda kull persuna hekk maħtura għandha tivvaka l-kariga fil-bidu tas-sessjoni sussegwenti tal-Parlament jekk ma tkunx f'dak iżżmien membru tagħha.
(2) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-artikolu 81 ta' din il-Kostituzzjoni, Ministru temporanju għandu jżomm il-kariga sakemm jiġi notifikat mill-President li l-Ministru, li minħabba l-inkapaċità tiegħu li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu huwa ġie maħtur, reġa' sar kapaċi li jaqdi l-funzjonijiet tiegħu jew sakemm dak il-Ministru jivvaka l-kariga tiegħu.
(3) Is-setgħat tal-President skont dan l-artikolu għandhom jiġu eżerċitati minnu skont il-parir tal-Prim Ministru.
Eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-President. (art. 85)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.38.
85. (1) Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu l-President għandu jaġixxi skont il-parir tal-Kabinett jew ta' Ministru li jaġixxi skont l-awtorità ġenerali tal-Kabinett ħlief fil-każijiet meta huwa meħtieġ b'din il-Kostituzzjoni jew b'xi liġi oħra li jaġixxi skont il-parir ta' xi persuna jew awtorità li ma tkunx il-Kabinett:
Iżda l-President għandu jaġixxi skont il-ġudizzju deliberat tiegħu stess fl-esekuzzjoni tal-funzjonijiet li ġejjin -
- (a) fl-eżerċizzju tas-setgħat dwar ix-xoljiment tal-Parlament mogħtija lilu skont il-proviso li hemm mas-subartikolu (5) tal-artikolu 76 ta' din il-Kostituzzjoni;
- (b) fl-eżerċizzju tas-setgħa li jaħtar il-Prim Ministru jew ineħħi l-Prim Ministru mill-kariga mogħtija lilu bl-artikolu 80 u bis-subartikolu (1) tal-artikolu 81 ta' din il-Kostituzzjoni;
- (ċ) fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu bl-artikolu 83 ta' din il-Kostituzzjoni (li jirriferixxi għall-qadi tal-funzjonijiet tal-Prim Ministru matul assenza, vaganzi jew mard) fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-proviso li hemm mas-subartikolu (2) ta' dak l-artikolu;
- (d) fl-eżerċizzju tas-setgħa li jaħtar il-Kap tal-Oppożizzjoni u li jħassar kull ħatra bħal dik mogħtija lilu bl-artikolu 90 ta' din il-Kostituzzjoni; u
- (e) meta juri l-approvazzjoni tiegħu għall-finijiet tas-subartikolu (4) tal-artikolu 110 ta' din il-Kostituzzjoni dwar ħatra għal kariga fil-persunal tiegħu.
(2) Meta skont din il-Kostituzzjoni l-President huwa meħtieġ li jaġixxi skont il-parir ta' xi persuna jew awtorità, il-kwistjoni jekk ikunx f'xi każ irċieva, jew ikunx aġixxa skont, dak il-parir ma għandhiex tiġi eżaminata minn ebda qorti.
(3) Ir-riferenza fis-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu għall-funzjonijiet tal-President għandha tiftiehem bħala riferenza għas-setgħat u dmirijiet tiegħu fl-eżerċizzju tal-awtorità esekuttiva ta' Malta u għal kull setgħat u dmirijiet oħra mogħtija lilu jew imposti fuqu bħala President bi jew skont din il-Kostituzzjoni jew xi liġi oħra.
Eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Prim Ministru. (art. 86)
[edit]86. (1) Meta skont din il-Kostituzzjoni l-Prim Ministru huwa meħtieġ li jeżerċita xi funzjoni skont ir-rakkomandazzjoni ta' xi persuna jew awtorità huwa għandu jeżerċita dik il-funzjoni skont dik ir-rakkomandazzjoni:
Iżda -
- (a) qabel ma jaġixxi skont hekk huwa jista' jirriferixxi lura għal darba waħda dik ir-rakkomandazzjoni għal konsiderazzjoni mill-ġdid minn dik il-persuna jew awtorità; u
- (b) jekk dik il-persuna jew awtorità, wara li tkun ikkunsidrat mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni oriġinali skont il-paragrafu ta' qabel dan, tissostitwixxi rakkomandazzjoni differenti, id-disposizzjonijiet ta' dan is-subartikolu għandhom jgħoddu għal dik ir-rakkomandazzjoni differenti bħalma jgħoddu għar-rakkomandazzjoni oriġinali.
(2) Meta skont din il-Kostituzzjoni l-Prim Ministru huwa meħtieġ li jaqdi xi funzjoni wara konsultazzjoni ma' xi persuna jew awtorità, huwa ma jkunx obbligat li jaqdi dik il-funzjoni skont il-parir ta' dik il-persuna jew awtorità.
(3) Meta skont din il-Kostituzzjoni l-Prim Ministru huwa meħtieġ li jaqdi xi funzjoni skont ir-rakkomandazzjoni ta', jew wara konsultazzjoni ma', xi persuna jew awtorità, il-kwistjoni jekk huwa jkunx f'xi każ irċieva, jew ikunx aġixxa skont dik ir-rakkomandazzjoni jew jekk ikunx ikkonsulta ma' dik il-persuna jew awtorità ma għandhiex tiġi eżaminata minn ebda qorti.
Il-President għandu jkun informat dwar ħwejjeġ ta' gvern. (art. 87)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.39.
87. Il-Prim Ministru għandu jżomm lill-President informat għal kollox dwar it-tmexxija ġenerali tal-Gvern ta' Malta u għandu jagħti lill-President dak it-tagħrif li huwa jista' jitlob dwar xi ħaġa partikolari li għandha x'taqsam mal-Gvern ta' Malta.
Segretarji Parlamentari. (art. 88)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.40.
88. (1) Il-President, li għandu jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, jista' jaħtar Segretarji Parlamentari minn fost il-membri tal-Kamra tad-Deputati biex jgħinu lill-Ministri fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom:
Iżda jekk jinqala' lok għall-egħmil ta' ħatra waqt li l-Parlament ikun xolt, persuna li minnufih qabel ix-xoljiment kienet membru tal-Kamra tad-Deputati tista' tiġi maħtura bħala Segretarju Parlamentari bħallikieku kienet għadha membru ta' dik il-Kamra, imma kull persuna hekk maħtura għandha tivvaka l-kariga fil-bidu tas-sessjoni sussegwenti tal-Parlament jekk ma tkunx dak iż-żmien membru tagħha.
(2) Id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (3) tal-artikolu 81 ta' din il-Kostituzzjoni għandhom jgħoddu għas-Segretarji Parlamentari bħalma jgħoddu għall-Ministri.
Ġurament li għandu jittieħed mill-Ministri. (art. 89)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.41.
89. Ministru jew Segretarju Parlamentari ma għandux jidħol għad-dmirijiet tal-kariga tiegħu jekk ma jkunx ħa u ffirma l-ġurament ta' lealtà u l-ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga tiegħu murija fit-Tielet u fit-Tieni Skeda li jinsabu ma' din il-Kostituzzjoni.
Kap tal-Oppożizzjoni. (art. 90)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.42.
90. (1) Għandu jkun hemm Kap tal-Oppożizzjoni li jkun maħtur mill-President.
(2) Kull meta jkun hemm lok għall-ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni, il-President għandu jaħtar -
- (a) jekk ikun hemm partit ta' oppożizzjoni wieħed li l-forza numerika tiegħu fil-Kamra tad-Deputati tkun akbar mill-forza ta' kull partit ieħor ta' Oppożizzjoni, il-membru tal-Kamra tad-Deputati li jkun il-Kap ta' dak il-partit; jew
- (b) jekk, minħabba egwaljanza fil-forza numerika tal-partiti ta' oppożizzjoni fil-Kamra jew minħabba li ma jkunx hemm partit ta' oppożizzjoni, ebda persuna ma tkun kwalifikata għall-ħatra skont il-paragrafu (a) ta' dan is-subartikolu, il-membru tal-Kamra li, fil-ġudizzju tal-President, ikollu l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta' membri tal-Kamra f'oppożizzjoni għall-Gvern li jkunu lesti biex jappoġġaw kap wieħed.
(3) Il-kariga ta' Kap tal-Oppożizzjoni għandha ssir vakanti -
- (a) jekk wara xi xoljiment tal-Parlament, huwa jiġi nformat mill-President illi l-President ikun sejjer jaħtar persuna oħra bħala Kap tal-Oppożizzjoni;
- (b) jekk itemm milli jkun membru tal-Kamra tad-Deputati xort'oħra milli b'xoljiment tal-Parlament;
- (ċ) jekk, skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) tal-artikolu 55 ta' din il-Kostituzzjoni, huwa jkun meħtieġ li jtemm milli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kamra tad-Deputati; jew
- (d) jekk il-ħatra tiegħu tiġi mħassra skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu.
(4) Jekk, fil-ġudizzju tal-President, membru tal-Kamra tad-Deputati li ma jkunx il-Kap tal-Oppożizzjoni, ikun sar il-Kap fil-Kamra tal-partit fl-oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza numerika fil-Kamra jew, skont il-każ, il-Kap tal-Oppożizzjoni jkun temm milli jkollu l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta' membri f'oppożizzjoni għall-Gvern, il-President għandu jħassar il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
(5) Is-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu ma jkollux seħħ waqt li l-Parlament ikun xolt.
Avukat Ġenerali. (art. 91)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.43; XIV. 2007.4.
91.* (1) Għandu jkun hemm Avukat Ġenerali li l-kariga tiegħu tkun kariga pubblika u li jkun maħtur mill-President li għandu jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.
(2) Ħadd ma jkun kwalifikat li jkollu l-kariga ta' Avukat Ġenerali jekk ma jkunx kwalifikat għal ħatra bħala mħallef tal-Qrati Superjuri.
(3) Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu biex jistitwixxi, jagħmel u jwaqqaf proċeduri kriminali u ta' kull setgħat oħra mogħtija lilu b'xi liġi f'termini li jawtorizzawh li jeżerċita dik is-setgħa fil-ġudizzju individwali tiegħu l-Avukat Ġenerali ma jkunx suġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta' ebda persuna jew awtorità oħra.
(4) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (5) ta' dan l-artikolu, l-Avukat Ġenerali għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta' ħamsa u sittin sena.
(5) Is-subartikoli (2) u (3) tal-artikolu 97 ta' din il-Kostituzzjoni għandhom jgħoddu għall-Avukat Ġenerali.
Avukat tal-Istat. (art. 91A)
[edit]- Miżjud:XXV.2019.10.; Emendat:XLV.2020.4.
91A.* (1) Għandu jkun hemm Avukat tal-Istat li l-kariga tiegħu tkun kariga pubblika u li jkun maħtur mill-President li għandu jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.
(2) Ħadd ma jkun kwalifikat li jkollu l-kariga ta' Avukat tal-Istat jekk ma jkunx kwalifikat għal ħatra bħala imħallef tal-Qrati Superjuri.
(3) L-Avukat tal-Istat għandu jkun il-konsulent tal-Gvern fi kwistjonijiet ta' liġi u opinjoni legali. Huwa għandu jaġixxi fl-interess pubbliku u għandu jissalvagwardja l-legalità tal-azzjoni tal-Istat. L-Avukat tal-Istat għandu jwettaq ukoll dawk id-dmirijiet u funzjonijiet oħra li jistgħu jingħatawlu minn din il-Kostituzzjoni jew minn xi liġi. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, l-Avukat tal-Istat għandu jaġixxi fil-ġudizzju individwali tiegħu u ma għandux ikun suġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta' ebda persuna jew awtorità oħra.
(4) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (5), l-Avukat tal-Istat għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta' ħamsa u sittin (65) sena.
(5) L-artikolu 97(2) u (3) għandhom japplikaw għall-Avukat tal-Istat.
Segretarji Permanenti u kapijiet ta' dipartimenti tal-gvern. (art. 92)
[edit]- Emendat: LVIII.1974.44; III.2019.40; XIX. 2020.3
92. (1) Meta lil xi Ministru tkun ġiet mogħtija rresponsabbiltà għal xi dipartiment tal-gvern, huwa għandu jeżerċita direzzjoni ġenerali u kontroll fuq dak id-dipartiment; u, bla ħsara għal dik id-direzzjoni u kontroll, id-dipartiment jista' jkun taħt is-sorveljanza ta' Segretarju Permanenti:
- Iżda żewġ dipartimenti tal-gvern jew iżjed jistgħu jitqegħdu taħt is-sorveljanza ta' Segretarju Permanenti wieħed.
(2) Il-Prim Ministru jkun responsabbli għall-assennjazzjoni ta' dipartimenti tal-gvern lil Segretarji Permanenti.
(3) Is-setgħa ta' ħatra ta' uffiċjali pubbliċi biex iżommu jew jaġixxu fil-kariga ta' Segretarju Permanenti u ta' tneħħija mill-kariga ta' persuni li jkunu jżommu jew ikunu qed jaġixxu f'dik il-kariga tkun fil-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara li l-Prim Ministru jkun ikkonsulta mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
(4) Il-kapijiet ta' dipartimenti tal-gvern li ma jkunux dawk li l-mod ta' ħatra tagħhom huwa speċifikatament provdut f'din il-Kostituzzjoni għandhom ikunu maħtura minn fost l-uffiċjali pubbliċi anzjani mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku:
- Iżda li, minkejja d-dispożizzjonijiet ta' dan is-subartikolu l-ħatra ta' Kummissarju tal-Pulizija għandha ssir mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kif ikun provdut fl-Att dwar il-Pulizija.
(5) Is-Segretarju Permanenti Ewlieni għandu jinħatar bl-istess mod kif jinħatar Segretarju Permanenti minn fost persuni li jkollhom il-kwalifiki biex jiġu hekk maħtura skont id-dispożizzjonijiet tas-subartikoli (1), (2) u (3):
- Iżda l-funzjonijiet tas-Segretarju Permanenti Ewlieni flimkien ma' kull ħaġa oħra anċillari jew inċidentali jew li titqies meħtieġa jew spedjenti għat-twettiq tal-funzjonijiet tas-Segretarju Permanenti Ewlieni għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' Att tal-Parlament.
Prerogattiva ta' maħfra. (art. 93)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.45.
93. (1) Il-President ikollu s-setgħa li -
- (a) jagħti lil xi persuna li jkollha x'taqsam fi jew tkun ġiet misjuba ħatja ta' xi reat maħfra, sew ħielsa jew suġġetta għal kondizzjonijiet skont il-liġi;
- (b) jagħti lil xi persuna sospensjoni, sew indefinita jew għal perijodu speċifikat, dwar l-esekuzzjoni ta' xi kundanna mogħtija lil dik il-persuna għal xi reat;
- (ċ) jissostitwixxi forma ta' piena anqas ħarxa minflok xi piena imposta fuq xi persuna għal xi reat; jew
- (d) jaħfer fl-intier tagħha jew f'parti minnha kull kundanna mogħtija lil xi persuna għal reat jew għal xi penali jew konfiska li xort'oħra tkun dovuta lill-Istat minħabba f'xi reat.
(2) (a) Meta xi persuna tkun ġiet kundannata għal mewt minn xi qorti f'Malta, il-President għandu jara li rapport bil-miktub tal-każ mill-imħallef ġudikant, jew, fil-każ ta' qorti marzjali mill-persuna li tkun ippresjediet, u dak it-tagħrif l-ieħor miksub mill-inkartament tal-każ jew minn band'oħra kif il-President jista' jeħtieġ, jiġi mibgħut lill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja.
- (b) L-imsemmi Ministru għandu jibgħat dak ir-rapport miktub u tagħrif (jekk ikun hemm) lill-Kabinett, u l-Kabinett għandu jagħti parir lill-President jekk għandux jagħti lill-ħati maħfra jew sospensjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu b'dan l-artikolu.
Segretarju tal-Kabinett. (art. 94)
[edit]- Sostitwit: III.2019.41.
94. (1) Segretarju Permanenti Ewlieni jkun l-iktar uffiċjal pubbliku anzjan u għandu jaġixxi bħala Segretarju għall-Kabinett:
Iżda l-Prim Ministru jista’ jaħtar persuna differenti biex taġixxi bħala Segretarju għall-Kabinett, u f'dan il-każ is-Segretarju għall-Kabinett għandu jinħatar bl-istess mod bħal Segretarju Permanenti minn fost persuni li jkollhom il-kwalifiki biex jiġu hekk maħtura skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 92.
(2) Is-Segretarju għall-Kabinett ikun responsabbli, skont dawk l-istruzzjonijiet li jistgħu jiġu mogħtija lilu mill-Prim Ministru, biex jipprepara x-xogħol għal, u biex iżomm il-minuti ta', il-laqgħat tal-Kabinett u biex iwassal id-deċiżjonijiet tal-Kabinett lill-persuna jew awtorità xierqa, u jkollu dawk il-funzjonijiet l-oħra li l-Prim Ministru jista' minn żmien għal żmien jordna.
KAPITOLU VIII - Il-Ġudizzjarju
[edit]Qrati Superjuri. (art. 95)
[edit]- Sostitwit: LVIII. 1974.46.
95.* (1) Għandu jkun hemm f'MaIta u għal Malta dawk il-Qrati Superjuri li jkollhom dawk is-setgħat u ġurisdizzjoni kif ikun provdut b'xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
(2) Waħda mill-Qrati Superjuri, magħmula minn tlieta mill-imħallfin li jkunu jistgħu, skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta, joqgħodu fil-Qorti tal-Appell, għandha tkun magħrufa bħala l-Qorti Kostituzzjonali u jkollha ġurisdizzjoni li tisma' u tiddeċidi -
- (a) dawk il-kwistjonijiet li huma msemmija fl-artikolu 63 tal-Kostituzzjoni;
- (b) kull ħaġa riferita lilha skont l-artikolu 56 ta' din il-Kostituzzjoni u kull ħaġa riferita lilha skont kull liġi dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Kamra tad-Deputati;
- (ċ) appelli minn deċiżjonijiet tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili skont l-artikolu 46 ta' din il-Kostituzzjoni;
- (d) appelli minn deċiżjonijiet ta' xi qorti ta' ġurisdizzjoni oriġinali f'Malta fuq kwistjonijiet dwar interpretazzjoni ta' din il-Kostituzzjoni li ma jkunux dawk li jistgħu jaqgħu taħt l-artikolu 46 ta' din il-Kostituzzjoni;
- (e) appelli minn deċiżjonijiet ta' xi qorti ta' ġurisdizzjoni oriġinali f'Malta fuq kwistjonijiet dwar il-validità ta' liġijiet li ma jkunux dawk li jistgħu jaqgħu taħt l-artikolu 46 ta' din il-Kostituzzjoni; u
- (f) kull kwistjoni deċiża minn qorti ta' ġurisdizzjoni oriġinali f'Malta flimkien ma' xi waħda millkwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi ta' qabel ta' dan is-subartikolu li minnha jkun sar appell lill-Qorti Kostituzzjonali:
- Iżda ebda ħaġa li tinsab f'dan il-paragrafu ma ttellef li appell jinġieb separatament quddiem il-Qorti tal-Appell skont xi liġi li għal dak iż-żmien ikun hemm isseħħ f'Malta.
(3) Minkejja d-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu, jekk xi kwistjoni bħalma hija msemmija fil-paragrafu (d) jew (e) ta' dak is-subartikolu tqum għall-ewwel darba fi proċeduri f'qorti ta' ġurisdizzjoni ta' appell, dik il-qorti għandha tibgħat il-kwistjoni quddiem il-qorti li tkun tat id-deċiżjoni oriġinali, kemm-il darba fil-fehma tagħha t-tqanqil tal-kwistjoni ma tkunx sempliċement frivola jew vessatorja, u dik il-qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq kull kwistjoni bħal dik u, bla ħsara għal kull appell skont id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu, il-qorti li quddiemha tkun qamet il-kwistjoni għandha tiddisponi mill-kwistjoni skont dik id-deċiżjoni.
(4) Id-disposizzjonijiet tas-subartikoli (6) u (7) tal-artikolu 46 ta' din il-Kostituzzjoni għandhom jgħoddu għall-Qorti Kostituzzjonali u għal dak l-iskop riferenzi għal dak l-artikolu fl-imsemmija subartikoli għandhom jiftehmu bħala riferenzi għal dan l-artikolu.
(5) Jekk f'xi żmien matul l-elezzjoni ta' membri tal-Kamra tad-Deputati u matul it-tletin ġurnata li jiġu wara dik l-elezzjoni, il-Qorti Kostituzzjonali ma tkunx kostitwita kif provdut f'dan l-artikolu, dik il-Qorti għandha minnufih u sakemm tkun xort'oħra kostitwita skont il-liġi, tkun kostitwita bis-saħħa ta' dan is-subartikolu u tkun magħmula mit-tliet imħallfin l-aktar anzjani li jkunu fil-kariga f'dak iż-żmien, magħdud, jekk ikun hemm f'dik il-kariga, il-Prim Imħallef jew imħallef ieħor li jkun qed jaqdi l-funzjonijiet ta' Prim Imħallef; u jekk f'xi żmien ieħor l-imsemmija Qorti ma tkunx kostitwita kif provdut f'dan l-artikolu għal iktar minn ħmistax-il ġurnata, dik il-Qorti għandha, malli jgħaddi l-imsemmi żmien ta' ħmistax-il ġurnata u sakemm tkun xort'oħra kostitwita skont il-liġi, tkun kostitwita bis-saħħa ta' dan is-subartikolu u tkun magħmula mit-tliet imħallfin l-aktar anzjani kif imsemmi qabel.
(6) L-imħallfin tal-Qrati Superjuri għandhom ikunu Prim Imħallef u dak in-numru ta' imħallfin oħra kif jista' jkun preskritt b'xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta:
Iżda l-kariga ta' imħallef tal-Qrati Superjuri ma għandhiex, mingħajr il-kunsens tiegħu, tiġi abolita waqt li huwa jkun fil-kariga.
Ħatra ta' imħallfin. (art. 96)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.47; XLIV. 2016.4.
96.* (1) L-Imħallfin tal-Qrati Superjuri għandhom jiġu maħtura mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.
(2) Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun maħtur imħallef tal-Qrati Superjuri kemm-il darba għal perijodu ta', jew perijodi li jammontaw b'kollox għal, mhux anqas minn tnax-il sena ma jkunx jew eżerċita bħala avukat f'Malta jew serva bħala maġistrat f'Malta, jew f'parti hekk eżerċita u f'parti hekk serva.
(3) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (4), qabel ma l-Prim Ministru jagħti l-parir tiegħu skont is-subartikolu (1) dwar il-ħatra ta' imħallef tal-Qrati Superjuri (ħlief il-Prim Imħallef) għandha tkun saret l-evalwazzjoni mill-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura mwaqqaf bl-artikolu 96A ta' din il-Kostituzzjoni kif previst fil-paragrafi (ċ), (d) jew (e) tas-subartikolu (6) tal-imsemmi artikolu 96A.
(4) Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (3), il-Prim Ministru jkollu s-setgħa li jagħżel illi ma jsegwix ir-riżultat tal-evalwazzjoni msemmija fis-subartikolu (3):
Iżda meta wara li l-Prim Ministru jkun uża s-setgħa mogħtija lilu b'dan is-subartikolu, il-Prim Ministru jew il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandhom:
- (a) jippubblikaw fi żmien ħamest ijiem dikjarazzjoni fil-Gazzetta li tkun tħabbar id-deċiżjoni li tintuża dik is-setgħa u li tkun tagħti r-raġunijiet li wasslu għaliha; u
- (b) jagħmlu stqarrija fil-Kamra tad-Deputati dwar dik id-deċiżjoni li fiha jispjegaw ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata sa mhux aktar tard mit-tieni seduta tal-Kamra li ssir wara li jkun ingħata l-parir lill-President skont is-subartikolu (1):
Iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-ewwel proviso għal dan is-subartikolu ma japplikawx fil-każ illi l-ħatra tkun għall-kariga ta' Prim Imħallef.
Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura. (art. 96A)
[edit]- Miżjud: XLIV. 2016.5.
96A.* (1) Għandu jkun hemm Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, hawn iżjed 'il quddiem f'dan l-artikolu msejjaħ "il-Kumitat", li għandu jkun sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja mwaqqfa bl-artikolu 101A ta' din il-Kostituzzjoni u li jkun magħmul kif ġej:
- (a) il-Prim Imħallef;
- (b) l-Avukat Ġenerali;
- (ċ) l-Awditur Ġenerali;
- (d) il-Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi (Ombudsman); u
- (e) il-President tal-Kamra tal-Avukati:
- Iżda l-President tal-Kamra tal-Avukati ma għandux, għeluq perijodu ta' sentejn li jibda mill-ġurnata li fiha l-aħħar kellu kariga jew aġixxa bħala membru tal-Kumitat, ikun eliġibbli għal ħatra fil-ġudikatura.
(2) Il-Kumitat għandu jkun presedut mill-Prim Imħallef jew, fl-assenza tiegħu, mill-imħallef li jkun is-sostitut tiegħu skont il-paragrafu (d) tas-sub-artikolu (3).
(3) (a) Persuna ma tkunx kwalifikata li tinħatar jew tkompli żżomm il-kariga ta' membru tal-Kumitat jekk tkun Ministru, Segretarju Parlamentari, Membru tal-Kamra tad-Deputati, membru ta' gvern lokali jew uffiċjal jew kandidat ta' partit politiku:
- Iżda meta l-President tal-Kamra tal-Avukati ma jkunx kwalifikat li jinħatar jew iżomm il-kariga kif intqal qabel, il-Kamra tal-Avukati għandha tinnomina avukat ieħor biex ikun membru tal-Kumitat floku.
(b) Il-kariga ta' membru tal-Kumitat ssir vakanti jekk jinħolqu ċirkostanzi li, kieku dik il-persuna ma kenitx membru tal-Kumitat, hi ma kenitx tikkwalifika biex issir membru tiegħu.
(ċ) Membru tal-Kumitat għandu jastjeni u jista' jiġi rikużat fl-istess ċirkostanzi bħal imħallef tal-Qrati Superjuri.
(d) Meta membru tal-Kumitat ikun astjena jew ikun ġie rikużat, fil-każ tal-Prim Imħallef għandu jiġi sostitwit minn imħallef li jkun l-aktar imħallef anzjan fil-kariga li jkun imiss, fil-każ tal-Avukat Ġenerali għandu jiġi sostitwit mill-aktar avukat anzjan skont il-kariga fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li jkun imiss, fil-każ tal-Awditur Ġenerali għandu jiġi sostitwit mill-aktar uffiċjal anzjan skont il-kariga fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li jkun imiss, fil-każ tal-Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi mill-aktar uffiċjal anzjan li jkun imiss fl-Uffiċċju tal-Ombudsman u fil-każ tal-President tal-Kamra tal-Avukati mill-aktar avukat anzjan skont il-kariga fil-kumitat tal-Kamra tal-Avukati.
(4) Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom il-membri tal-Kumitat għandhom jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u ma jkunux soġġetti għad-direzzjoni jew kontroll ta' xi persuna jew awtorità oħra.
(5) Għandu jkun hemm Segretarju tal-Kumitat li jinħatar mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja.
(6) Il-funzjonijiet tal-Kumitat ikunu:
- (a) li jirċievi u jeżamina espressjonijiet ta' interess minn persuni li jkunu interessati li jinħatru fil-kariga ta' imħallef tal-Qrati Superjuri (barra milli fil-kariga ta' Prim Imħallef) jew ta' maġistrat tal-Qrati Inferjuri, ħlief mingħand persuni li għalihom japplika l-paragrafu (e);
- (b) li jżomm reġistru permanenti tal-espressjonijiet ta' interess imsemmija fil-paragrafu (a) u tal-atti relattivi għalihom, liema reġistru għandu jinżamm sigriet u għandu jkun aċċessibbli biss għall-membri tal-Kumitat, għall-Prim Ministru u għall-Ministru responsabbli għall-ġustizzja;
- (ċ) li jagħmel intervisti u evalwazzjonijiet ta' kandidati għall-karigi fuq imsemmija b'dak il-mod li jidhirlu xieraq u li għal dan il-għan jitlob dik l-informazzjoni mingħand kull awtorità pubblika kif iqis illi jkun raġonevolment meħtieġ;
- (d) li jagħti parir lill-Prim Ministru permezz tal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja dwar l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-eligibilità u l-mertu tal-kandidati biex jinħatru fil-karigi fuq imsemmija;
- (e) meta mitlub mill-Prim Ministru, li jagħti parir dwar l-eliġibilità u l-mertu ta' persuni li diġà jkunu jokkupaw il-kariga ta' Avukat Ġenerali, Awditur Ġenerali, Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi (Ombudsman) jew ta' maġistrat tal-Qrati Inferjuri biex jinħatru f'kariga fil-ġudikatura;
- (f) li jagħti parir dwar il-ħatra għal xi kariga oħra ġudizzjarja jew fil-Qrati kif il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista' minn żmien għal żmien jitlob:
- Iżda l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu (d) għandha ssir mhux aktar tard minn sittin jum mindu l-Kumitat jirċievi l-espressjoni ta' interess u l-parir imsemmi fil-paragrafi (e) u (f) għandu jingħata mhux aktar tard minn tletin jum minn meta jkun intalab jew f'termini oħra hekk kif il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista', bi qbil mal-Kumitat, b'ordni fil-Gazzetta jistabbilixxi;
(7) Il-proċeduri tal-Kumitat ikunu kunfidenzjali u jinżammu fil-magħluq u l-ebda membru jew segretarju tal-Kumitat ma għandu jintalab jixhed quddiem xi qorti jew korp ieħor fir-rigward ta' xi dokument riċevut jew xi ħaġa diskussa jew trasmessa lil jew mill-Kumitat.
(8) Il-Kumitat jirregola l-proċedura tiegħu stess u jkollu d-dmir li, bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja, jippubblika l-kriterji li fuqhom isiru l-evalwazzjonijiet.
Tiżmim ta' kariga ta' imħallfin. (art. 97)
[edit]- Emendat: LVIII.1974.48.
97.* (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, imħallef tal-Qrati Superjuri għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta' ħamsa u sittin sena.
(2) Imħallef tal-Qrati Superjuri ma għandux jitneħħa mill-kariga tiegħu ħlief mill-President wara indirizz mill-Kamra tad- Deputati li jkollu favur tiegħu l-vot ta' mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri tagħha u li jitlob għal dik it-tneħħija minħabba inkapaċità ippruvata li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk għal mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jew imġieba ħażina ippruvata.
(3) Il-Parlament jista' b'liġi jirregola l-proċedura għall-preżentata ta' indirizz u għall-investigazzjoni u prova dwar l-inkapaċità jew imġieba ħażina ta' mħallef tal-Qrati Superjuri skont id-disposizzjonijiet tal-aħħar subartikolu qabel dan.
Aġent Prim Imħallef u aġenti imħallfin. (art. 98)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.49
98.* (1) Jekk il-kariga ta' Prim Imħallef tkun vakanti jew jekk il-Prim Imħallef għal xi raġuni ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, f'dak il-każ, sakemm persuna tkun maħtura għal u tkun assumiet il-funzjonijiet ta' dik il-kariga jew sakemm il-Prim Imħallef ikun irreżuma dawk il-funzjonijiet, skont il-każ, dawk il-funzjonijiet għandhom (ħlief safejn, u fil-każ, isir provvediment ieħor b'liġi) jiġu moqdija minn dak il-wieħed mill-imħallfin l-oħra tal-Qrati Superjuri li jista' jkun nominat għal hekk mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.
(2) Jekk il-kariga ta xi mħallef tal-Qrati Superjuri (li ma jkunx il-Prim Imħallef) tkun vakanti jew jekk xi mħallef bħal dak ikun maħtur biex jaġixxi bħala Prim Imħallef jew ikun għal xi raġuni inkapaċi li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, il-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, jista' jaħtar persuna kwalifikata għal ħatra bħala mħallef tal-Qrati Superjuri biex taġixxi bħala mħallef ta' dawk il-Qrati:
Iżda persuna tista' tiġi hekk maħtura għalkemm tkun għalqet l-età ta' ħamsa u sittin sena.
(3) Kull persuna maħtura skont is-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu biex taġixxi bħala mħallef tal-Qrati Superjuri għandha tkompli hekk taġixxi għal perijodu tal-ħatra tagħha jew, jekk ebda perijodu bħal dak ma jkun speċifikat, sakemm il-ħatra tagħha tiġi mħassra mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.
Qrati Inferjuri. (art. 99)
[edit]99.* Għandu jkun hemm f'Malta u għal Malta dawk il-qrati inferjuri li jkollhom dawk is-setgħat u ġurisdizzjoni kif jista' jkun provdut b'xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
Maġistrati. (art. 100)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.50; XIV. 2007.5; XLIV. 2016.6.
100.* (1) Il-maġistrati tal-qrati inferjuri għandhom jiġu maħtura mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.
(2) Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun maħtur għal jew biex jaġixxi fil-kariga ta' maġistrat tal-qrati inferjuri kemm-il darba ma jkunx eżerċita bħala avukat f'Malta għal perijodu ta', jew perijodi li jammontaw b'kollox għal, mhux anqas minn seba' snin.
(3) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu, maġistrat tal-qrati inferjuri għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta' ħamsa u sittin sena.
(4) Id-disposizzjonijiet tas-subartikoli (2) u (3) tal-artikolu 97 ta' din il-Kostituzzjoni għandhom jgħoddu għall-maġistrati tal-qrati inferjuri.
(5) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (6), qabel ma l-Prim Ministru jagħti l-parir tiegħu skont issubartikolu (1) dwar il-ħatra ta' maġistrat tal-Qrati Inferjuri għandha tkun saret l-evalwazzjoni mill-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura mwaqqaf bl-artikolu 96A ta' din il-Kostituzzjoni kif previst fil-paragrafi (ċ), (d) jew (e) tas-subartikolu (6) talimsemmi artikolu 96A.
(6) Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (5), il-Prim Ministru jkollu s-setgħa li jagħżel illi ma jsegwix irriżultat tal-evalwazzjoni msemmija fis-subartikolu (5):
Iżda meta wara li l-Prim Ministru jkun uża s-setgħa mogħtija lilu b'dan is-subartikolu l-Prim Ministru jew il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandhom:
- (a) jippubblikaw fi żmien ħamest ijiem dikjarazzjoni fil-Gazzetta li tkun tħabbar id-deċiżjoni li tintuża dik is-setgħa u li tkun tagħti r-raġunijiet li wasslu għaliha; u
- (b) jagħmlu stqarrija fil-Kamra tad-Deputati dwar dik id-deċiżjoni li fiha jispjegaw ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata sa mhux aktar tard mit-tieni seduta tal-Kamra li ssir wara li jkun ingħata l-parir lill-President skont is-subartikolu (1).
Ġuramenti li għandhom jittieħdu minn imħallfin u maġistrati. (art. 101)
[edit]101. Imħallef tal-Qrati Superjuri jew maġistrat tal-qrati inferjuri ma għandux jidħol għad-dmirijiet tal-kariga tiegħu sakemm ma jkunx ħa u iffirma l-ġurament ta' lealtà u dak il-ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga tiegħu kif jista' jkun preskritt b'xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. (art. 101A)
[edit]- Miżjud: IX. 1994.2. Emendat: XLIV.2016.7.
101A. (1) Għandu jkun hemm Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li tkun magħmula mill-President, li jkun Chairman, u minn disa' membri oħra kif ġej:
- (a) il-Prim Imħallef li jkun Deputy Chairman u jippresjedi l-Kummissjoni fin-nuqqas taċ-Chairman;
- (b) l-Avukat Ġenerali, ex officio;
- (ċ) żewġ membri eletti għal żmien erba' snin mill-imħallfin tal-Qrati Superjuri minn fosthom stess;
- (d) żewġ membri eletti għal żmien erba' snin mill-maġistrati tal-Qrati Inferjuri minn fosthom stess;
- (e) żewġ membri maħturin għal żmien erba' snin, wieħed mill-Prim Ministru u l-ieħor mill-Kap tal-Oppożizzjoni li f'kull każ ikunu persuna li mill-inqas ikollha l-età ta' ħamsa u erbgħin sena, u li tkun tgawdi r-rispett ġenerali tal-pubbliku u tkun magħrufa għall-integrità u onestà tagħha;
- (f) il-President tal-Kamra tal-Avukati, ex officio.
(2) Il-President għandu jkollu biss il-vot deċiżiv; meta d-Deputy Chairman jippresiedi fuq xi laqgħa tal-Kummissjoni, għandu jżomm il-vot oriġinali flimkien mal-vot deċiżiv.
(3) Il-membri eletti fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandhom jiġu eletti skont dawk ir-Regoli li jistgħu jiġu stabbiliti mill-persuna jew awtorità kif imsemmi fis-subartikolu (7) tal-artikolu 46 ta' din il-Kostituzzjoni.
(4) (a) Persuna ma tkunx kwalifikata li tinħatar jew tkompli żżomm il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja:
- (i) jekk tkun Ministru, Segretarju Parlamentari, Membru tal-Kamra tad-Deputati jew membru ta' awtorità ta' gvern lokali; jew
- (ii) jekk ikun instab ħati ta' reat punibbli bi priġunerija għal kull żmien li jkun; jew
- (iii) jekk ikun skwalifikat milli jiġi elett bħala membru tal-Kamra tad-Deputati għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafi (a), (ċ), (d), (e), (f), (g) jew (h) tas-subartikolu (1) tal-artikolu 54 ta' din il-Kostituzzjoni.
- (b) Il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ssir vakanti jekk jinħolqu ċirkostanzi li, kieku dik il-persuna ma kenitx membru tal-Kummissjoni, hi ma kenitx tikkwalifika biex issir membru, u membru tal-Kummissjoni għandu jastjeni u jista' jiġi rikużat fl-istess ċirkostanzi bħal imħallef tal-Qrati Superjuri.
(5) (a) Meta persuna timla' vakanza maħluqa minn membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li ma jibqax membru għal xi raġuni, ħlief dik tal-iskadenza tal-perjodu tal-kariga tiegħu, dik il-persuna għandha tokkupa l-kariga għaż-żmien mhux skadut tal-kariga ta' dak il-membru li jkun issostitwixxa.
- (b) Meta membru jkun ġie rikużat jew ikun astjena, il-President li jaġixxi skont il-ġudizzju tiegħu innifsu biss, jaħtar bħala membru sostitwit biex joqgħod fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kull fejn hu possibbli, persuna li fil-fehma tiegħu jkollha kemm jista' jkun l-istess kwalitajiet u kwalifiki daqs il-membru li jkun qiegħed jiġi sostitwit.
- (ċ) Meta l-membri li għandhom jiġu eletti taħt il-paragrafi (ċ) u (d) tas-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu, jew maħtura taħt il-paragrafu (e) tal-istess subartikolu, ma jiġux hekk eletti jew maħtura fi żmien ġimgħatejn minn meta ssir sejħa għalhekk mill-President, il-President li fl-għemil ta' dik il-ħatra jaġixxi skont il-ġudizzju tiegħu biss għandu hu stess jaħtar membri minflokhom li kull fejn hu possibbli fil-fehma tiegħu jkollhom l-istess kwalitajiet u kwalifiki li għandu jkollhom dawk il-membri.
(6) (a) Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandha f'kull żmien ikollha Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali li jkollu dik il-kompożizzjoni, u dawk il-funzjonijiet, dawk is-setgħat u dmirijiet li jistgħu jiġu assenjati lilu b'liġi. Il-Kummissjoni għandha fl-eżerċizzju ta' kull funzjoni tagħha relattiva għal professjonijiet ta' Avukati u Prokuraturi Legali, taġixxi permezz tal-imsemmi kumitat b'dak il-mod, u suġġett għal dik ir-reviżjoni kif dik il-liġi tista' tipprovdi.
- (b) Minkejja d-disposizzjonijiet tal-paragrafu (a) ta' dan is-subartikolu, il-Kummissjoni għandha tirreferi lill-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali (hawn aktar 'il quddiem f'dan is-subparagrafu msejjaħ "il-Kumitat") kull kwistjoni li tirrigwarda l-imġieba ħażina ta' avukat jew prokuratur legali fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, u, ħlief f'każ ta' appell, il-Kummissjoni ma għandhiex taġixxi xort'oħra fuq dik il-kwistjoni ħlief wara li tkun irċeviet u skont il-konklużjonijiet tal-Kumitat f'dik il-materja. B'dana illi meta rapport tal-konklużjonijiet tal-Kumitat ma jkunx għadu ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mill-jum meta l-kwistjoni tkun tressqet l-ewwel darba quddiem il-Kumitat, jew f'dak il-perjodu ieħor jew perjodi oħrajn li l-Kummissjoni tista' tippermetti, li fl-ebda każ, ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali ħafna, ma għandhom jissuperaw l-erba' xhur, il-Kummissjoni għandha minnufih tinvestiga l-kwistjoni u taqtagħha hi nnifisha.
- (ċ) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu ta' qabel dan, il-Kummissjoni tista' taħtar dawk il-kumitati l-oħra biex jgħinuha fuq kull ħaġa li tiġi fil-funzjonijiet tagħha, kif jidhrilha xieraq.
(7) Fit-twettiq ta' dmirijiethom il-membri tal-Kummissjoni u ta' xi wieħed mill-kumitati tagħha għandhom jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u ma jkunux suġġetti għad-direzzjoni jew kontroll ta' xi persuna jew awtorità oħra.
(8) Is-subartikoli (2) u (3) tal-artikolu 121 ta' din il-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għal kull kumitat tal-Kummissjoni.
(9) Għandu jkun hemm Segretarju tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li għandu jaġixxi wkoll bħala Segretarju għal kull kumitat tal-Kummissjoni. Is-Segretarju tal-Kummissjoni għandu jinħatar mill-istess Kummissjoni minn fost l-uffiċjali pubbliċi li jkunu assenjati fil-Qrati jew minn fost membri tal-professjonijiet legali. Is-Segretarju għandu jibqa' fil-kariga sa dak iż-żmien li l-Kummissjoni ttemmlu l-ħatra tiegħu.
(10) Min jinħatar membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja jew ta' xi wieħed mill-kumitati tagħha jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-korp jew persuna li taħtar dak il-membru, iżda dak il-membru jista' biss jitneħħa minħabba f'inkapaċità li jwettaq id-dmirijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk għal mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jew imġieba ħażina.
(11) Il-funzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja huma:
- (a) li tissorvelja l-ħidma tal-qrati superjuri u inferjuri kollha u li tagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja dwar ir-rimedji li fil-fehma tagħha jistgħu jwasslu għal ħidma aktar effiċjenti ta' dawk il-qrati;
- (b) li tagħti parir lill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja dwar kull ħaġa li għandha x'taqsam malorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;
- (ċ) li teżerċita, bla ħsara għall-artikolu 101B ta' din il-Kostituzzjoni, dixxiplina fuq l-imħallfin u l-maġistrati;
- (d) li tifformula kodiċi jew kodiċijiet ta' etika li jirregolaw l-imġieba tal-membri tal-ġudikatura;
- (e) fuq il-parir tal-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali, li tifformula kodiċi jew kodiċijiet ta' etika li jirregolaw l-imġieba professjonali ta' membri ta' dawk il-professjonijiet:
- Iżda meta dak il-parir ma jingħatax f'dak iż-żmien li l-Kummissjoni tista' tistabbilixxi, il-Kummissjoni tista' tifformula dak il-kodiċi jew dawk il-kodiċijiet mingħajr il-ħtieġa ta' dak il-parir;
- (f) li tiġbed l-attenzjoni ta' kull imħallef jew maġistrat fuq kull ħaġa, fil-qorti li fiha hu jkun ipoġġi, li tista' ma twassalx għal funzjonament effiċjenti u xieraq ta' dik il-qorti;
- (g) li teżerċita, skont kull liġi, dixxiplina fuq avukati u prokuraturi legali fit-twettiq tal-professjoni tagħhom; u
- (h) dawk il-funzjonijiet l-oħra li jistgħu jingħatawlha b'kull liġi.
(12) Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandha ta' kull sena tagħmel rapport lill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja dwar l-attivitajiet tagħha matul is-sena kalendarja ta' qabel, u għandha f'kull żmien meta hekk jidhrilha xieraq jew kif jista' jitlob l-istess Ministru, tagħmel rapport lill-imsemmi Ministru fuq xi materja partikolari.
(13) Is-setgħat tal-President taħt kull liġi, dwar is-surroga tal-imħallfin u l-magistrati u dwar tqassim ta' dmirijet tal-imħallfin u l-maġistrati, għandhom jitwettqu fuq il-parir tal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja, b'dan illi l-Ministru għandu, fl-għoti ta' dak il-parir lill-President, jaġixxi skont ir-rakkomandazzjoni li tkun saritlu mill-Prim Imħallef:
Iżda meta l-Prim Imħallef jonqos milli jagħmel rakkomandazzjoni lill-Ministru, u f'kull każ, meta l-Ministru jqis li jkun hekk xieraq, il-Ministru jista' jagħti parir lill-President, b'dak il-mod li, fiċ-ċirkostanzi, hu jidhirlu xieraq:
Iżda wkoll, f'dak il-każ il-Ministru għandu jippubblika minnufih fil-Gazzetta avviż dwar dak il-fatt li fih jagħti r-raġunijiet tiegħu għal dik l-azzjoni, u għandu jagħmel stqarrija dwar dak il-fatt fil-Kamra tad-Deputati mhux aktar tard mit-tieni seduta li tiġi minnufih wara li jkun ta dak il-parir lill-President.
(14) Il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tkunx qdiet validament xi funzjoni mogħtija lilha bi jew skont din il-Kostituzzjoni ma għandhiex tiġi eżaminata minn ebda qorti.
Dixxiplina ta' mħallfin u maġistrati. (art. 101B)
[edit]- Miżjud: XLIV. 2016.8.
101B. (1) Għandu jkun hemm Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati (hawn iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat") li għandu jkun sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u li għandu jkun kompost minn tliet membri tal-ġudikatura illi ma jkunux membri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u li għandhom jiġu eletti minn fost l-imħallfin u l-maġistrati skont regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b'dan iżda li f'każ ta' dixxiplina ta' maġistrat, tnejn mit-tliet membri għandhom ikunu maġistrati filwaqt illi f'każ ta' dixxiplina ta' mħallef, tnejn mit-tliet membri għandhom ikunu mħallfin.
(2) Il-President tal-Kumitat għandu jiġi elett mill-membri tal-Kumitat minn fosthom.
(3) Kull membru tal-Kumitat jista' jiġi rikużat u għandu jastjeni fl-istess ċirkostanzi bħalma mħallef tal-Qrati Superjuri jista' jiġi rikużat jew jista' jastjeni. Meta membru tal-Kumitat jiġi rikużat u jew jastjeni, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandha taħtar membru sostitut.
(4) Il-Kumitat għandu jeżerċita dixxiplina fuq imħallfin u maġistrati kif preskritt f'dan l-artikolu.
(5) Proċeduri dixxiplinarji kontra mħallef jew maġistrat jinbdew meta jsir ilment bil-miktub u li jkun fih akkużi ċari magħmulin lill-Kumitat mill-Prim Imħallef jew mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja, għal ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Etika għall-Membri tal-Ġudikatura jew ta' Kodiċi jew regoli ta' dixxiplina għall-membri tal-ġudikatura li jsiru bl-istess proċedura li biha jiġi promulgat l-imsemmi Kodiċi ta' Etika li jkunu minn żmien għal żmien applikabbli għall-membri tal-ġudikatura. L-ilment għandu jkun fih ukoll ir-raġunijiet li fuqhom kull waħda mill-akkużi tkun ibbażata.
(6) Il-Kumitat għandu, meta jirċievi ilment taħt is-subartikolu (5), jinnotifika l-imsemmi lment lill-imħallef jew maġistrat li kontra tiegħu jkun sar l-ilment u jagħtih jew jagħtiha żmien raġonevoli biex iwieġeb jew twieġeb.
(7) Jekk, wara konsiderazzjoni prima facie tal-ilment u tat-tweġiba, il-Kumitat jidhirlu li ma hemmx raġunijiet suffiċjenti biex jinbdew proċeduri dixxiplinarji, il-Kumitat għandu jieqaf milli jkompli jittratta dwar il-każ.
(8) Jekk, wara konsiderazzjoni tal-ilment u tat-tweġiba kif msemmi fis-subartikolu (7), il-Kumitat jidhirlu li hemm raġunijiet suffiċjenti biex ikompli l-proċeduri dixxiplinarji, il-Kumitat għandu jappunta data għas-smigħ.
(9) Il-proċeduri quddiem il-Kumitat għandhom jinżammu fil-magħluq sakemm l-imħallef jew il-maġistrat li kontra tiegħu jkunu ttieħdu l-proċeduri ma jitlobx xort'oħra. Min jagħmel l-ilment jew ir-rappreżentant tiegħu u l-imħallef jew il-maġistrat li kontra tiegħu ttieħdu l-proċeduri jkollhom id-dritt li jkunu preżenti matul il-kors kollu tal-proċeduri, li jipproduċu xhieda bħala appoġġ għal jew difiża kontra l-akkużi elenkati fl-ilment, u li jkunu assistiti minn avukat jew prokuratur legali. Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tista' wkoll taħtar avukat biex jaġixxi bħala prosekutur speċjali indipendenti fil-proċeduri dixxiplinarji.
(10) Il-Kumitat, jekk isib li l-imħallef jew il-maġistrat kiser il-Kodiċi ta' Etika għall-Membri tal-Ġudikatura, għandu:
- (a) jekk jidhirlu li l-ksur hu ta' natura mhux gravi, jew iwiddeb jew jimponi penali pekunjarja li tinġabar bħala dejn ċivili li titħallas lis-Segretarju tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, liema penali ma tkunx aktar minn għaxra fil-mija tas-salarju annwali tal-imħallef jew tal-maġistrat kif ikun stabbilit bil-liġi f'dak iż-żmien;
- (b) jekk jidhirlu li l-ksur hu ta' natura serja jista' jissospendi l-imħallef jew il-maġistrat milli jeżerċita d-dmirijiet tiegħu għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur waqt li jitħallas nofs is-salarju u l-allowances kif riċevuti f'dak iż-żmien;
- (ċ) jekk jidhirlu li l-ksur hu ta' natura tant serja li jistħoqq it-tneħħija tal-imħallef jew tal-maġistrat mill-kariga, għandu jirrapporta l-konklużjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li għandha tqis jekk il-provi jippruvawx il-każ prima facie u, jekk tqis li jkun hemm dak il-grad ta' prova, il-Kummissjoni għandha tissospendi lill-imħallef jew lill-maġistrat konċernat u għandha tirreferi l-każ lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati u lill-Prim Ministru. Fiż-żmien li matulu mħallef jew maġistrat ikun sospiż skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu, li ma għandux jeċċedi s-sitt xhur, l-imħallef jew maġistrat għandu jitħallas nofs is-salarju u l-allowances tal-kariga tiegħu u wara t-trapass ta' tali perijodu ta' sitt xhur, huwa għandu jerġa' jibda jitħallas is-salarju u l-allowances kollha tal-kariga tiegħu irrispettivament minn jekk il-każ riferut ikunx ġie konkluż jew le. F'każ illi l-proċedimenti quddiem il-Kamra tad-Deputati ma jwasslux għat-tkeċċija tal-membru tal-ġudikatura, allura l-membru tal-ġudikatura għandu jintradd lura s-salarju u l-allowances li jkunu ġew lilu mnaqqsa għaż-żmien kollu tas-sospensjoni.
(11) Il-Kumitat jista' wkoll, fuq talba tal-Prim Imħallef, jordna li mħallef jew maġistrat jiġi sospiż milli jwettaq id-dmirijiet tiegħu għal raġunijiet mediċi serji għal perjodu definit li matulu l-imħallef jew il-maġistrat jibqa' jirċievi s-salarju tiegħu sħiħ u l-allowances. Il-proċedura stabbilita f'dan l-artikolu dwar proċeduri dixxiplinarji għandha tapplika mutatis mutandis fil-każ ta' proċeduri li jsiru taħt dan is-subartikolu.
(12) (a) L-imħallef jew il-maġistrat li l-Kumitat isib kontra tiegħu jkollu dritt ta' appell lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja minn deċiżjonijiet tal-Kumitat.
- (b) L-appell għandu jiġi ppreżentat għand is-Segretarju tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja mhux aktar tard minn għoxrin jum minn meta l-Kumitat jagħti d-deċiżjoni tiegħu.
- (ċ) Il-preżentata tal-appell kif hawn qabel imsemmi tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kumitat.
- (d) Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tista', minn żmien għal żmien, tistabbilixxi regoli ta' proċedura għal appelli bħal dawn.
- (e) Il-President ta' Malta ma għandux ikun parti mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja meta l-imsemmija Kummissjoni tkun qed tisma' appell minn deċiżjoni tal-Kumitat.
(13) Il-proċeduri quddiem il-Kumitat għandhom jintemmu fi żmien sena u l-proċeduri tal-appell quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandhom jintemmu fi żmien perjodu ieħor ta' sitt xhur.
(14) Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom taħt dan l-artikolu l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati għandu jkollhom is-setgħat kollha li huma assenjati lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili bil-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili jew b'xi liġi li minn żmien għal żmien tirregola s-setgħat tal-Qrati ta' ġurisdizzjoni ċivili.
(15) Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom il-membri tal-Kumitat għandhom jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u ma jkunux soġġetti għad-direzzjoni jew kontroll ta' xi persuna jew awtorità oħra.
(16) Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tas-subartikoli (2) u (3) tal-artikolu 97 ta' din il-Kostituzzjoni kull fejn dawn ikunu japplikaw.
KAPITOLU IX - Finanzi
[edit]Fond Konsolidat. (art. 102)
[edit]102.* (1) Id-dħul kollu u l-flejjes l-oħra kollha miġbura jew imdaħħla minn Malta (li ma jkunux dħul jew flejjes oħra li jitħallsu f'xi fond ieħor, li jkun fond imwaqqaf minn jew skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta għal skop speċifiku) għandhom, kemm-il darba l-Parlament ma jipprovdix xort'oħra, jitħallsu fi u jifformaw Fond Konsolidat wieħed.
(2) Ebda flejjes ma għandhom jiġu rtirati mill-Fond Konsolidat ħlief biex titħallas l-ispiża li hija addebitata lill-Fond b'din il-Kostituzzjoni jew xi liġi oħra li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta jew meta l-ħruġ ta' dawk il-flejjes ikun ġie awtorizzat b'Att ta' Approprjazzjoni jew skont l-artikolu 104 ta' din il-Kostituzzjoni.
(3) Ebda flejjes ma għandhom jiġu rtirati minn xi fond pubbliku li ma jkunx il-Fond Konsolidat kemm-il darba l-ħruġ ta' dawk il-flejjes ma jkunx ġie awtorizzat bi jew skont xi liġi li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
(4) Ebda flejjes ma għandhom jiġu rtirati mill-Fond Konsolidat jew minn xi fond pubbliku ieħor ħlief bil-mod preskritt bi jew skont xi liġi.
(5) In-nefqat, piżijiet u spejjeż inċidentali għall-ġbir u amministrazzjoni tal-Fond Konsolidat għandhom jiġu addebitati lill-Fond.
Awtorizzazzjoni ta' nefqa mill-Fond Konsolidat. (art. 103)
[edit]103.* (1) Il-Ministru responsabbli għall-finanzi għandu jara li tiġi preparata u mqegħda quddiem il-Kamra tad-Deputati qabel, jew mhux aktar tard minn tletin ġurnata wara, il-bidu ta' kull sena finanzjarja estimi tad-dħul u ħruġ ta' Malta għal dik is-sena.
(2) Il-kapi tan-nefqa li jkun hemm fl-estimi (li ma tkunx nefqa addebitata lill-Fond Konsolidat b'din il-Kostituzzjoni jew b'xi liġi oħra li għal dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta) għandhom jiġu mdaħħla f'abbozz ta' liġi, li jkun imsejjaħ bħala abbozz ta' liġi ta' approprjazzjoni, li jipprovdi għall-ħruġ mill-Fond Konsolidat tassomom meħtieġa biex titħallas dik l-ispiża u l-approprjazzjoni ta' dawk is-somom għall-iskopijiet speċifikati fih.
(3) Jekk dwar xi sena finanzjarja jinsab -
- (a) li l-ammont approprjat bl-Att ta' Approprjazzjoni għal xi skop ikun insuffiċjenti, jew li tkun qamet ħtieġa ta' spiża għal skop li għalih ebda ammont ma jkun ġie approprjat b'dak l-Att; jew
- (b) li xi flejjes ikunu ġew minfuqa għal xi skop b'eċċess tal-ammont (jekk ikun hemm) approprjat għal dak l-iskop b'dak l-Att, estimu supplementari li juri s-somom meħtieġa jew minfuqa għandu jitqiegħed quddiem il-Kamra tad-Deputati u l-kapi ta' kull nefqa bħal dik għandhom jiġu mdaħħla f'abbozz ta' liġi ta' approprjazzjoni supplementari.
Awtorizzazzjoni ta' nefqa qabel approprjazzjoni. (art. 104)
[edit]104.* Il-Parlament jista' jagħmel provvediment li bis-saħħa tiegħu, jekk l-Att ta' Approprjazzjoni dwar xi sena finanzjarja ma jkunx beda jseħħ mal-bidu ta' dik is-sena finanzjarja, il-Ministru responsabbli għall-finanzi jista' jawtorizza l-irtir ta' flejjes mill-Fond Konsolidat sabiex titħallas dik l-ispiża li jista' jqis meħtieġa biex jitmexxa l-Gvern ta' Malta sat-tmiem ta' erba' xhur mill-bidu ta' dik is-sena finanzjarja jew sa meta jibda jseħħ dak l-Att, liema jkun l-ewwel.
Fond ta' Kontinġenzi. (art. 105)
[edit]105.* (1) Il-Parlament jista' jipprovdi għat-twaqqif ta' Fond ta' Kontinġenzi u biex jawtorizza lill-Ministru responsabbli għall-finanzi, jekk ikun sodisfatt li tkun qamet ħtieġa urġenti u mprevvista għal nefqa li għaliha ma jkunx hemm provvediment ieħor, biex jagħmel avvanzi minn dak il-Fond biex jilqa' dik il-ħtieġa.
(2) Meta jsir xi avvanz skont is-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu għandu jiġi preżentat estimu supplementari u għandu jiġi mressaq kemm jista' jkun malajr abbozz ta' liġi ta' approprjazzjoni supplementari sabiex jiġi mqiegħed lura l-ammont hekk avvanzat.
Dejn pubbliku. (art. 106)
[edit]106.* (1) Id-dejn pubbliku ta' Malta għandu jiġi addebitat lill-Fond Konsolidat u fondi oħra pubbliċi ta' Malta.
(2) F'dan l-artikolu riferenzi għad-dejn pubbliku ta' Malta jinkludu riferenzi għall-imgħax fuq dak id-dejn, ħlasijiet ta' fond ta' ammortizzament u flejjes ta' fidwa dwar dak id-dejn u n-nefqat, piżijiet u spejjeż inċidentali għall-amministrazzjoni ta' dak id-dejn.
Rimunerazzjoni dwar ċerti karigi. (art. 107)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.52; XVII. 1997.2; XLIV. 2016.9.
107.* (1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-artikoli 101A u 101B, għandu jiġi mħallas lid-detenturi tal-karigi li għalihom jgħodd dan l-artikolu dawk is-salarji li jistgħu jkunu preskritti bi jew skont xi liġi.
(2) Is-salarji u kull allowance li jitħallsu lid-detenturi tal-karigi li għalihom jgħodd dan l-artikolu għandhom jiġu addebitati lill-Fond Konsolidat.
(3) Is-salarju li jitħallas lid-detentur ta' xi kariga li għalih jgħodd dan l-artikolu u l-kondizzjonijiet tiegħu ta' kariga, ħlief allowances, ma għandhomx jiġu mibdula bi żvantaġġ tiegħu wara l-ħatra tiegħu, u, għall-finijiet ta' dan is-subartikolu, safejn is-salarju jew il-kondizzjonijiet ta' servizz ta' xi persuna jiddependu fuq l-għażla minn dik il-persuna, is-salarju jew il-kondizzjonijiet li għalihom tagħmel l-għażla għandhom jitqiesu li jkunu aktar vantaġġużi għaliha minn kull oħrajn li għalihom setgħat tagħmel l-għażla.
(4) Dan l-artikolu jgħodd għall-karigi msemmija fl-artikoli 48, 91, 95(6), 100, 109, 118 u 120 ta' din il-Kostituzzjoni.
Awditur Ġenerali. (art. 108)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.53. Sostitwit: XVII. 1997.3. Emendat: XLIV. 2016.10.
108.* (1) Għandu jkun hemm Awditur Ġenerali li l-kariga tiegħu tkun kariga pubblika u li jkollu dawk il-funzjonijiet skont ma hemm provdut fid-disposizzjonijiet li ġejjin ta' dan l-artikolu.
(2) L-Awditur Ġenerali jkun uffiċjal tal-Kamra tad-Deputati u jinħatar mill-President li jaġixxi skont riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati li tgħaddi bis-saħħa tal-voti ta' mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra:
Iżda meta persuna li ma tkunx membru tal-Kamra tad-Deputati tiġi eletta bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati, dik il-persuna ma għandhiex titqies li tkun membru tal-Kamra għall-għan li tiġi stabbilita l-maġġoranza meħtieġa b'dan is-subartikolu.
(3) (a) Bla hsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu l-Awditur Ġenerali għandu jibqa' fil-kariga għal perijodu ta' ħames snin mid-data tal-ħatra tiegħu u jkun eliġibbli li jerġa' jinħatar għal perijodu wieħed ieħor ta' ħames snin.
- (b) Meta l-Awditur Ġenerali jkun inħatar minn fost uffiċjali pubbliċi u meta tintemm il-ħatra jkun ta' età iżgħar mill-età ta' irtirar fis-servizz pubbliku, il-persuna li tkun ġiet hekk maħtura għandha terġa' lura fis-servizz pubbliku u tkompli tgawdi l-istess salarju u allowances imsemmija fis-subartikolu (6).
- (ċ) L-Awditur Ġenerali ma jkunx jista', filwaqt li huwa jkun qed jokkupa dik il-kariga, ikollu xi kariga bi qligħ oħra, jew mod ieħor mal-Gvern ta' Malta jew ma' xi intrapriża kummerċjali jew professjonali, tkun xi tkun.
(4) (a) L-Awditur Ġenerali jista' f'kull żmien jitneħħa jew jiġi sospiż mill-kariga tiegħu mill-President, meta jsirlu indirizz mill-Kamra tad-Deputati li jsir bis-saħħa tal-voti ta' mhux anqas minn żewġ-terzi tal-membri kollha tal-Kamra, li fih jintalab biex ineħħih mill-kariga minħabba f'inkapaċità ppruvata li jwettaq il-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (sew jekk din tkun inħabba nuqqas ta' saħħa fiżika jew mentali jew minħabba xi raġuni oħra) jew minħabba f'imġieba ħażina ppruvata, u d-disposizzjonijiet tal-proviso li hemm mas-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-għan li tiġi stabbilita l-maġġoranza meħtieġa b'dan is-subartikolu.
- (b) F'kull żmien meta ma jkunx hemm sessjoni tal-Parlament, l-Awditur Ġenerali jkun jista' jiġi sospiż mill-kariga tiegħu mill-President, li jaġixxi skont il-ġudizzju deliberat tiegħu stess, dwar l-inkapaċità li jwettaq id-dmirijiet tal-kariga tiegħu jew imġieba ħażina li dwarha tinġieb prova li tissodisfa lill-President; iżda kull sospensjoni bhal dik ma għandhiex tkompli sseħħ għal aktar minn xahrejn wara li tibda ssessjoni tal-Parlament li jkun imiss minnufih wara.
(5) Il-kontijiet:
- (a) tad-dipartimenti u uffiċċji tal-Gvern ta' Malta, magħdud l-Uffiċċju tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u l-uffiċċju tal-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati, u tal-qrati kollha Superjuri u Inferjuri f'Malta, u
- (b) ta' dawk l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra jew korpi oħra li jamministraw, ikollhom f'idejhom, jew jużaw fondi li jappartjenu direttament jew indirettament lill-Gvern ta' Malta kif jista' jiġi preskritt minn xi liġi jew bis-saħħa tagħha li f'dak iż-żmien tkun fis-seħħ f'Malta, għandhom jiġu verifikati u jsir rapport dwarhom kull sena mill-Awditur Ġenerali lill-Kamra tad-Deputati u għal dak l-iskop l-Awditur Ġenerali jew kull persuna awtorizzata minnu għal hekk ikollu aċċess għall-kotba, notamenti, reżokonti u dokumenti oħra kollha li jirriferixxu għal dawk il-kontijiet.
(6) (a) L-Awditur Ġenerali għandu jingħata dak is-salarju u dawk l-allowances li jistgħu minn żmien għal żmien jiġu preskritti jew permessi għal Imħallef tal-Qrati Superjuri.
- (b) Dak is-salarju u allowances jinħarġu mill-Fond Konsolidat u d-disposizzjonijiet tas-subartikolu (3) tal-artikolu 107 tal-Kostituzzjoni ikunu japplikaw għal dak is-salarju.
(7) L-Awditur Ġenerali ma jibdiex iwettaq id-dmirijiet tal-kariga tiegħu qabel ma jieħu u jiffirma quddiem il-President il-ġurament ta' lealtà u dak il-ġurament li jirrigwarda l-eżekuzzjoni sew tal-kariga tiegħu hekk kif jista' jiġi preskritt b'liġi li f'dak iż-żmien tkun isseħħ f'Malta.
(8) Il-Parlament jista' minn żmien għal żmien jipprovdi permezz ta' liġi dwar il-mod kif ir-rapporti li jsiru mill-Awditur Ġenerali għandħom jintgħamlu.
Deputat Awditur Ġenerali.
[edit](9) (a) Għandu jkun hemm ukoll Deputat Awditur Ġenerali li l-kariga tiegħu tkun kariga pubblika u li jkollu dawk il-funzjonijiet li l-Awditur Ġenerali jista' minn żmien għal żmien lilu jiddelega u li, kull meta l-kariga ta' Awditur Ġenerali tkun temporanjament vakanti, u sakemm jiġi maħtur Awditur Ġenerali ġdid, u kull meta d-detentur tal-kariga jkun assenti minn Malta jew ikun bil-vaganza jew għal xi raġuni ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, iwettaq il-funzjonijiet ta' Awditur Ġenerali.
- (b) Id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (2), tal-paragrafi (a) u (ċ) tas-subartikolu (3), tas-subartikolu (4), tal-paragrafu (b) tas-subartikolu (6) u tas-subartikolu (7) ta' dan l-artikolu għandhom ikunu japplikaw għad-Deputat Awditur Ġenerali.
- (ċ) Id-Deputat Awditur Ġenerali għandu jingħata dak issalarju u dawk l-allowances li jistgħu minn żmien għal żmien jiġu preskritti għal jew jingħataw lil Maġistrat tal-Qrati Inferjuri.
- (d) Meta d-Deputat Awditur Ġenerali jkun maħtur min fost uffiċjali pubbliċi u meta tintemm il-ħatra jkun ta' età iżgħar mill-età ta' irtirar fis-servizz pubbliku, il-persuna li tkun ġiet hekk maħtura għandha terġa' lura fis-servizz pubbliku u tkompli tgawdi l-istess salarju u allowances imsemmija f'dan is-subartikolu.
Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
[edit](10) (a) Għandu jkun hemm Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li jkun magħmul mill-Awditur Ġenerali, li jkun imexxi dak l-uffiċċju, id-Deputat Awditur Ġenerali u dawk il-funzjonarji l-oħra, li jinħatru mill-Awditur Ġenerali, hekk kif l-Awditur Ġenerali jista' jqis li jkun meħtieġ sabiex jassistuh fit-twettiq sew tal-kariga tiegħu, u ddisposizzjonijiet tal-artikolu 110 tal-Kostituzzjoni ma għandhomx ikunu japplikaw għall-uffiċjali li jinħatru fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
- (b) Il-Parlament jista' minn żmien għal żmien jipprovdi permezz ta' liġi dwar il-mod kif jiġu allokati flejjes lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u dwar il-mod kif il-kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jiġu verifikati u jsir rapport dwarhom.
(11) Ebda ħaġa f'dan l-artikolu ma għandha tiftiehem bħala li tipprekludi lill-Awditur Ġenerali jew lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika milli jingħataw xi funzjonijiet jew setgħat oħra taħt jew skont xi liġi li tkun fis-seħħ.
(12) Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom taħt il-Kostituzzjoni, l-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali ma jkunux suġġetti għall-awtorità jew kontroll ta' ebda persuna oħra.
KAPITOLU X - Is-Servizz Pubbliku
[edit]Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. (art. 109)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.54.
109.* (1) Għandu jkun hemm Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għal Malta li tkun magħmula minn chairman, deputy chairman u minn membru wieħed sa tliet membri oħra.
(2) Il-membri tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għandhom ikunu maħtura mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara li jkun ikkonsulta l-Kap tal-Oppożizzjoni.
(3) Ħadd ma jkun kwalifikat biex iżomm kariga bħala membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jekk ikun Ministru, Segretarju Parlamentari, membru ta', jew kandidat għal elezzjoni ta', il-Kamra tad-Deputati, membru ta' awtorità ta' gvern lokali jew jekk ikun uffiċjal pubbliku.
(4) Membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma għandux, għeluq perijodu ta' tliet snin li jibda mill-ġurnata li fiha kellu kariga l-aħħar bħala membru, ikun eliġibbli għal ħatra jew biex jaġixxi f'xi kariga pubblika.
(5) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għandha ssir vakanti -
- (a) fit-tmiem ta' ħames snin mid-data tal-ħatra tiegħu jew f'dik id-data qabel kif jista' jkun speċifikat fid-dokument li bih huwa jkun ġie maħtur; jew
- (b) jekk jinħolqu xi ċirkostanzi li, kieku ma kienx membru tal-Kummissjoni, kienu jġagħluh ikun skwalifikat għal ħatra bħala hekk.
(6) Membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jista' jitneħħa mill-kariga mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, iżda jista' jiġi mneħħi biss minħabba inkapaċità li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk minħabba mard mentali jew korporali jew għal xi raġuni oħra) jew għal imġieba ħażina.
(7) Jekk il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tkun vakanti jew jekk xi membru għal xi raġuni ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, il-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, mogħti wara li jkun ikkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, jista' jaħtar persuna li tkun kwalifikata biex tkun maħtura bħala membru biex tkun membru temporanju tal-Kummissjoni; u kull persuna hekk maħtura għandha, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (5) u (6) ta' dan l-artikolu, tispiċċa milli tkun membru bħal dak meta persuna tkun ġiet maħtura biex timla l-vakanza jew, skont il-każ, meta l-membru li ma setgħax jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu jirreżumi dawk il-funzjonijiet.
Ħatra eċċ., ta' uffiċjali pubbliċi. (art. 110)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.55.
110.* (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni, is-setgħa li jagħmel ħatriet għall-karigi uffiċjali u li jneħħi, u li jeżerċita kontroll dixxiplinari fuq, persuni li jkollhom jew ikunu jaġixxu f'xi karigi bħal dawk tkun fil-Prim Ministru, li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku:
Iżda l-Prim Ministru jista', billi jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, jiddelega bil-miktub, salvi dawk il-kondizzjonijiet li jistgħu jkunu speċifikati fid-dokument ta' delega, kull waħda mis-setgħat imsemmija f'dan is-subartikolu lil dak l-uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra kif jista' jkun speċifikat fid-dokument.
(2) Delega ta' setgħa skont dan l-artikolu -
- (a) tkun mingħajr ħsara għall-eżerċizzju ta' dik is-setgħa mill-Prim Ministru li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku;
- (b) tista' tawtorizza lill-uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra konċernata li jeżerċita dik is-setgħa sew b'riferenza lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jew mingħajrha; u
- (ċ) dwar l-impieg ta' uffiċjali pubbliċi minn barra sservizz pubbliku, għandha, kemm-il darba dak l-impieg ma jsirx wara eżami pubbliku li jiġi avżat fil-Gazzetta, tiġi eżerċitata biss permezz ta' servizz għall-impjegar provdut minn fondi pubbliċi li jiżgura li ebda distinzjoni, esklużjoni jew preferenza ma jsiru jew jingħataw favur jew kontra xi persuna minħabba l-fehma politika tagħha u liema servizz jipprovdi opportunità għall-impiegi biss fl-aħjar interessi tas-servizz pubbliku u tan-nazzjon in ġenerali.
(3) (a) Għandu jkun hemm appell lill-Prim Ministru, li jaġixxi skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, minn kull deċiżjoni ta' uffiċjal pubbliku jew awtorità għat-tneħħija ta' xi persuna minn kariga uffiċjali b'eżerċizzju ta' setgħa delegata skont is-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu:
- Iżda dak id-dritt ta' appell ikun mingħajr ħsara għal kull dritt ieħor ta' appell li jista' jkun provdut skont l-artikolu 121(1) ta' din il-Kostituzzjoni dwar l-eżerċizzju ta' kull setgħa oħra delegata skont is-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu.
- (b) Dritt ta' appell skont dan l-artikolu għandu jiġi eżerċitat skont dak il-provvediment dwar proċedura kif jista' jkun preskritt mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku skont l-artikolu 121(1) ta' din il-Kostituzzjoni:
- Iżda kull proċedura hekk preskritta tkun l-istess għal kull klassi ta' uffiċjali pubbliċi.
- (ċ) Meta jinġieb appell skont il-paragrafu (b) ta' dan is-subartikolu minn xi uffiċjal pubbliku huwa għandu, meta jiġi kunsidrat l-appell mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, ikollu dritt li jiġi mismugħ personalment mill-Kummissjoni u li jkun mgħejjun minn rappreżentant ta' xi trade union li lilha jkun jappartjeni.
(4) Ebda persuna ma tkun maħtura skont dan l-artikolu għal jew biex taġixxi f'xi kariga tal-persunal tal-President ħlief bl-approvazzjoni tal-President.
(5) Id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu ma għandhomx jgħoddu relattivament għal -
- (a) il-karigi msemmija fl-artikoli 91, 92 (barra mis-subartikolu (4) tiegħu), 94, 95(6), 100, 108 u 111 ta' din il-Kostituzzjoni; jew
- (b) ħatriet biex jaġixxi f'xi kariga uffiċjali għal xahrejn jew anqas safejn ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku hija meħtieġa għal xi ħatra bħal dik; jew
- (ċ) ħatriet għall-karigi msemmija fl-artikolu 92(4), u ħatriet bi trasferiment għall-karigi jew mill-karigi msemmija fl-artikolu 112 ta' din il-Kostituzzjoni.
(6) Dħul f'impiegi ma' kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b'xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma' kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta' Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar kif provdut fis-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu.
Rappreżentanti prinċipali ta' Malta fl-esteru. (art. 111)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.56.
111. (1) Is-setgħa ta' ħatra ta' persuni biex iżommu jew jaġixxu fil-karigi li għalihom dan l-artikolu jgħodd u għat-tneħħija ta' persuni hekk maħtura minn xi kariga bħal dik tkun fil-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru:
Iżda dwar kull persuna magħżula għall-ħatra mis-servizz pubbliku l-Prim Ministru għandu, qabel ma jagħti l-parir tiegħu skont id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, jikkonsulta mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u, meta tiġi mneħħija mill-kariga li fiha tkun ġiet maħtura skont id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, il-persuna hekk maħtura għandha tirritorna fil-grad li kellha fis-servizz pubbliku minnufih qabel dik il-ħatra.
(2) Il-karigi li għalihom jgħodd dan l-artikolu huma l-karigi ta' kull Ambaxxatur, Kummissarju Għoli jew rappreżentant ieħor prinċipali ta' Malta f'xi pajjiż ieħor.
Ħatra bi trasferiment dwar xi karigi. (art. 112)
[edit]112. (1) Is-setgħa li jagħmel ħatriet bi trasferiment lil u mill-karigi li għalihom dan l-artikolu jgħodd tkun fil-Prim Ministru li jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku:
Iżda l-persuna maħtura għal xi kariga bħal dik skont id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu għandha, meta tiġi trasferita minn dik il-kariga, tirritorna fil-grad li kellha fis-servizz pubbliku minnufih qabel il-ħatra tagħha f'dik il-kariga.
(2) Il-karigi li għalihom dan l-artikolu jgħodd huma -
- (a) karigi li d-detenturi tagħhom ikunu meħtieġa jirrisjedu barra minn Malta għall-qadi xieraq tal-funzjonijiet tagħhom; u
- (b) dawk il-karigi fil-Ministeru responsabbli għall-affarijiet barranin ta' Malta kif jistgħu, minn żmien għal żmien, jiġu speċifikati mill-Prim Ministru.
Protezzjoni ta' drittijiet ta' pensjoni. (art. 113)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974. 57.
113.* (1) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-artikolu 114 ta' din il-Kostituzzjoni, il-liġi applikabbli għal kull benefiċċju li għalih dan l-artikolu jgħodd għandha, dwar kull persuna li tkun ġiet mogħtija, jew li tkun eliġibbli għall-għoti ta' xi benefiċċji bħal dawk, tkun dik li tkun fis-seħħ fid-data relattiva jew xi liġi oħra sussegwenti u li ma tkunx anqas favorevoli għal dik il-persuna.
(2) F'dan l-artikolu "id-data relattiva" tfisser -
- (a) dwar kull benefiċċju mogħti qabel il-ġurnata stabbilita, id-data li fiha dawk il-benefiċċji kienu mogħtija;
- (b) dwar kull benefiċċju mogħti jew li għandu jingħata fi jew wara l-ġurnata stabbilita lil jew dwar xi persuna li kienet uffiċjal pubbliku qabel dik id-data, il-ġurnata qabel il-ġurnata stabbilita; u
- (ċ) dwar kull benefiċċju mogħti jew li għandu jingħata lil jew dwar xi persuna li ssir uffiċjal pubbliku fi jew wara l-ġurnata stabbilita, id-data li fiha hija ssir uffiċjal pubbliku.
(3) Meta persuna jkollha dritt teżerċita għażla dwar liema minn żewġ liġijiet jew iżjed għandha tapplika għall-każ tagħha, il-liġi li hija tagħżel għandha, għall-finijiet ta' dan l-artikolu, titqies li tkun aktar favorevoli għaliha mil-liġi jew liġijiet l-oħra.
(4) Kull benefiċċju li għalih jgħodd dan l-artikolu (li ma jkunx benefiċċju li għandu jiġi addebitat lil xi fond pubbliku ieħor ta' Malta) għandu jkun addebitat lill-Fond Konsolidat.
(5) Dan l-artikolu jgħodd għal kull benefiċċju li jitħallas skont xi liġi li tipprovdi għall-għoti ta' pensjonijiet, gratifikazzjonijiet jew kumpens lil persuni li jkunu jew li kienu uffiċjali pubbliċi dwar is-servizz tagħhom fis-servizz pubbliku jew lir-romol, ulied, dipendenti jew rappreżentanti personali ta' dawk il-persuni dwar dak is-servizz.
(6) Riferenzi għal-liġi applikabbli għal xi benefiċċji li għalihom dan l-artikolu jgħodd jinkludu (mingħajr ħsara għall-ġeneralità tagħhom) riferenzi għal kull liġi dwar iż-żmien li fih u l-mod li bih xi persuna tista' tirtira sabiex tkun eliġibbli għal dawk il-benefiċċji.
(7) Ebda ħaġa li tinsab fi, jew magħmula taħt l-awtorità ta', xi liġi ma għandha titqies li tkun inkonsistenti ma', jew bi ksur ta', dan l-artikolu safejn dik il-liġi tagħmel provvediment li bih xi benefiċċji li għalihom igħodd dan l-artikolu jistgħu jitnaqqsu jew jinżammu -
- (a) sakemm il-persuna li tkun eliġibbli għalihom tilħaq is-sittin sena, jew dik l-età aktar baxxa li tista' tiġi stabbilita minn jew taħt liġi, jekk dik il-persuna tkun qed tirċievi xi income li għalih japplika dan is-subartikolu u dik id-disposizzjoni ssir sabiex kull income bħal dak flimkien ma' kull benefiċċji kif intqal mhux imnaqqsa ma jkunux iktar fit-total minn dak l-ammont li jista' jiġi stabbilit minn, jew taħt jew skont xi liġi, li jkun ammont li ma jkunx inqas mis-salarju li minn żmien għal żmien jitħallas dwar il-kariga miżmuma minn dik il-persuna meta tirtira, billi jitqiesu biss, jekk dak is-salarju jkun b'żidiet inkrimentali, dawk iż-żidiet korrispondenti li jkunu ttieħdu qabel l-irtir; jew
- (b) sabiex jiġi żgurat it-tħaris ta' xi ħtieġa legali dwar xi wieħed mill-għanijiet tal-paragrafu (a) ta' dan is-subartikolu; jew
- (ċ) jekk il-persuna li tkun eliġibbli għalihom ma tibqax ċittadin ta' Malta.
(8) L-income li għalih japplika s-subartikolu (7) ta' dan l-artikolu hu kull remunerazzjoni dwar, jew income ieħor li jinkiseb minn, xi mpieg, xogħol, servizz, kariga, kummerċ, negozju, professjoni jew vokazzjoni, jew minn xi pensjoni, allowance, gratifikazzjoni jew ħlas ieħor bħal dan dwar xi mpieg bħal dak jew xi għajn oħra ta' income.
Għoti u tiżmim ta' pensjonijiet, eċċ. (art. 114)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.58.
114.* (1) Meta xi benefiċċji li għalihom dan l-artikolu jgħodd jistgħu jiġu miżmuma, imnaqqsa fl-ammont jew sospiżi minn xi persuna jew awtorità skont xi liġi dawk il-benefiċċji ma għandhomx jiġu hekk miżmuma, imnaqqsa fl-ammont jew sospiżi mingħajr ma tkun taqbel il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, kemm-il darba dawk il-benefiċċji ma jitnaqqsux jew ma jinżammux skont xi liġi msemmija fis-subartikolu (7) tal-artikolu 113 ta' din il-Kostituzzjoni.
(2) Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma għandhiex taqbel skont is-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu f'azzjoni meħuda għar-raġuni li xi persuna li għandha jew kellha xi waħda mill-karigi msemmija fl-artikoli 91, 95(6), 100 u 108 ta' din il-Kostituzzjoni kienet ħatja ta' mġieba ħażina kemm-il darba ma tkunx ġiet imneħħija mill-kariga minħabba dik l-imġieba ħażina.
(3) Dan l-artikolu jgħodd għal kull benefiċċju li jitħallas skont xi liġi li tipprovdi għall-għoti ta' pensjonijiet, gratifikazzjonijiet jew kumpens lil persuni li jkunu jew kienu uffiċjali pubbliċi dwar is-servizz tagħhom fis-servizz pubbliku jew lir-romol, ulied, dipendenti jew rappreżentanti personali ta' dawk il-persuni dwar dak is-servizz.
Protezzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku minn proċeduri legali. (art. 115)
[edit]115. Il-kwistjoni jekk -
- (a) il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tkunx qdiet validament xi funzjoni mogħtija lilha bi jew skont din il-Kostituzzjoni;
- (b) xi membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jew xi uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra tkunx qdiet validament xi funzjoni delegata lil dak il-membru, uffiċjal pubbliku jew awtorità bis-saħħa tad-disposizzjonijiet tas-subartikolu (1) tal-artikolu 110 ta' din il-Kostituzzjoni; jew
- (ċ) xi membru tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jew xi uffiċjal pubbliku jew awtorità oħra tkunx qdiet validament xi funzjoni oħra dwar ix-xogħol tal-Kummissjoni jew dwar xi funzjoni bħal dik kif hija msemmija fil-paragrafu ta' qabel dan, ma għandhiex tiġi eżaminata minn ebda qorti.
KAPITOLU XA - Kunsilli Lokali
[edit]- Miżjud: XIII. 2001.4.
Kunsilli Lokali. (art. 115A)
[edit]115A.* L-Istat, għandu jadotta sistema ta' gvern lokali li biha t-territorju ta' Malta jinqasam f'dak l-għadd ta' lokalitajiet hekk kif jista' minn żmien għal żmien jiġi stabbilit b'liġi, b'dan li kull lokalità tkun amministrata minn Kunsill Lokali elett mir-residenti tal-lokalità u li jitwaqqaf u jitħaddem skont dik il-liġi li tista' minn żmien għal żmien tkun fis-seħħ.
KAPITOLU XI - Mixxellanji
[edit]Azzjonijiet dwar validità ta' liġijiet. (art. 116)
[edit]116. Dritt ta' azzjoni għal dikjarazzjoni li xi liġi tkun invalida għal xi raġunijiet ħlief inkonsistenza mad-disposizzjonijiet tal-artikoli 33 sa 45 ta' din il-Kostituzzjoni tkun tappartjeni lill-persuni kollha mingħajr distinzjoni u persuna li ġġib azzjoni bħal dik ma tkunx meħtieġa turi xi interess persunali b'appoġġ għallazzjoni tagħha.
Projbizzjoni ta' ċerti assoċjazzjonijiet. (art. 117)
[edit]117. (1) Ikun illegali li twaqqaf, iżżomm jew tagħmel parti minn xi assoċjazzjoni ta' persuni li jkunu organizzati u mħarrġa jew organizzati u mgħammra sabiex ikunu jistgħu jiġu wżati għall-użu jew wiri ta' forza fiżika fit-tmexxija 'l quddiem ta' xi skop politiku.
(2) Id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu għandhom jiġu mwettqa b'dak il-mod kif jista' jkun provdut mill-Parlament.
Awtorità dwar ix-Xandir. (art. 118)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.59.
118.* (1) Għandu jkun hemm Awtorità dwar ix-Xandir għal Malta li tkun magħmula minn chairman u dak in-numru ta' membri oħra li ma jkunx anqas minn erbgħa kif jista' jkun preskritt minn xi liġi li tkun dak iż-żmien isseħħ f'Malta.
(2) Il-membri tal-Awtorità dwar ix-Xandir għandhom jiġu maħtura mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara li jkun ikkonsulta l-Kap tal-Oppożizzjoni.
(3) Ħadd ma jkun kwalifikat li jkollu l-kariga ta' membru tal-Awtorità dwar ix-Xandir jekk ikun Ministru, Segretarju Parlamentari, membru ta', jew kandidat għall-elezzjoni ta', il-Kamra tad-Deputati, membru ta' awtorità ta' gvern lokali jew jekk ikun uffiċjal pubbliku.
(4) Membru tal-Awtorità dwar ix-Xandir ma għandux, għeluq perijodu ta' tliet snin li jibda mill-ġurnata li fiha l-aħħar kellu kariga jew aġixxa bħala membru, ikun eliġibbli għal ħatra jew biex jaġixxi f'xi kariga pubblika.
(5) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, il-kariga ta' membru tal-Awtorità dwar ix-Xandir issir vakanti -
- (a) fit-tmiem ta' ħames snin mid-data tal-ħatra tiegħu jew f'dak iż-żmien qabel kif jista' jkun speċifikat fid-dokument li bih kien maħtur; jew
- (b) jekk jinħolqu xi ċirkostanzi li, kieku ma kienx membru tal-Awtorità, kienu jġegħluh ikun skwalifikat għal ħatra bħala hekk.
(6) Membru tal-Awtorità dwar ix-Xandir jista' jitneħħa mill-kariga mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, iżda jista' jitneħħa biss għal inkapaċità li jaqdi d-dmirijiet tal-kariga tiegħu (sew minħabba mard mentali jew korporali jew għal xi raġuni oħra) jew għal imġieba ħażina.
(7) Jekk il-kariga ta' membru tal-Awtorità dwar ix-Xandir tkun vakanti jew jekk membru għal xi raġuni ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, il-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, mogħti wara li jkun ikkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, jista' jaħtar persuna li tkun kwalifikata biex tkun maħtura bħala membru biex tkun membru temporanju tal-Awtorità; u kull persuna hekk maħtura għandha, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (5) u (6) ta' dan l-artikolu, tispiċċa milli tkun membru bħal dak meta persuna tkun ġiet maħtura biex timla l-vakanza jew, skont il-każ, meta l-membru li ma setgħax jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu jirreżumi dawk il-funzjonijiet.
(8) Fl-eżerċizzju tal-kariga tagħha skont l-artikolu 119(1) ta' din il-Kostituzzjoni l-Awtorità dwar ix-Xandir ma għandhiex tkun suġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta' xi persuna jew awtorità oħra.
Funzjoni tal-Awtorità dwar ix-Xandir. (art. 119)
[edit]119.* (1) Tkun funzjoni tal-Awtorità dwar ix-Xandir li tiżgura illi, safejn ikun possibbli, f'dawk is-servizzi ta' xandir ta' smigħ u televiżjoni li jistgħu jkunu provduti f'Malta, tiġi miżmuma imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta' kontroversja politika jew industrjali jew li jirriferixxu għal policy pubblika korrenti u illi faċilitajiet u l-ħin ta' xandir huma mqassma b'mod xieraq bejn persuni li jkunu ta' partiti politiċi differenti.
(2) Il-funzjoni tal-Awtorità dwar ix-Xandir imsemmija fis-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu tkun bla ħsara għal dawk il-funzjonijiet u dmirijiet l-oħra li jistgħu jiġu mogħtija lilha b'xi liġi li tkun dak iż-żmien isseħħ f'Malta.
Kummissjoni dwar l-Impiegi. (art. 120)
[edit]- Miżjud: LVIII. 1974.60.
120.* (1) Għandu jkun hemm Kummissjoni dwar l-Impiegi għal Malta li tkun magħmula minn chairman u minn erba' membri oħra.
(2) Il-membri tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi jkunu maħtura mill-President li, fil-ħatra taċ-chairman għandu jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara li dan ikun ikkonsulta l-Kap tal-Oppożizzjoni, fil-ħatra ta' tnejn mill-erba' membri oħra għandu jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, u fil-ħatra taż-żewġ membri l-oħra għandu jaġixxi skont il-parir tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
(3) Ħadd ma jkun kwalifikat biex iżomm kariga bħala membru tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi jekk ikun Ministru, Segretarju Parlamentari, membru ta', jew kandidat għal elezzjoni ta', il-Kamra tad-Deputati, membru ta' awtorità ta' gvern lokali, jew ikun uffiċjal pubbliku.
(4) Membru tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi ma għandux, għeluq perijodu ta' tliet snin li jibda mill-ġurnata li fiha kellu kariga jew aġixxa l-aħħar bħala membru, ikun eliġibbli għal ħatra jew biex jaġixxi f'xi kariga pubblika.
(5) Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi għandha ssir vakanti -
- (a) fit-tmiem ta' tliet snin mid-data tal-ħatra tiegħu; jew
- (b) jekk jinħolqu ċirkostanzi li, kieku ma kienx membru tal-Kummissjoni, kienu jġagħluh ikun skwalifikat għal ħatra bħala hekk.
(6) Membru tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi jista' jitneħħa mill-kariga mill-President, li jaġixxi skont il-parir tad-detentur tal-kariga li fuq il-parir tiegħu jkun ġie maħtur dak il-membru, mogħti, meta jkun il-każ, kif provdut fis-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu, iżda dak il-membru jista' jiġi mneħħi biss minħabba inkapaċità li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk minħabba mard mentali jew korporali jew għal xi raġuni oħra) jew għal imġieba ħażina.
(7) Jekk il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi tkun vakanti jew jekk xi membru għal xi raġuni ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu, il-President, li jaġixxi skont il-parir tad-detentur tal-kariga li fuq il-parir tiegħu dak il-membru jkun ġie maħtur, mogħti, meta jkun il-każ, kif provdut fis-subartikolu (2) ta' dan l-artikolu, jista' jaħtar persuna li tkun kwalifikata biex tkun maħtura bħala membru biex tkun membru temporanju tal-Kummissjoni; u kull persuna hekk maħtura għandha, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (5) u (6) ta' dan l-artikolu, tispiċċa milli tkun membru bħal dak malli persuna tkun ġiet maħtura biex timla l-vakanza jew, skont il-każ, malli l-membru li ma setax jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu jirreżumi dawk il-funzjonijiet.
(8) Tkun il-funzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi li tiżgura li, dwar l-impiegi, ebda distinzjoni, esklużjoni jew preferenza li ma tkunx ġustifikabbli f'soċjetà demokratika ma għandha ssir jew tingħata favur jew kontra xi persuna minħabba l-opinjoni politika tagħha.
(9) Kull persuna li tallega li tkun saret jew ingħatat bi ħsara għaliha xi distinzjoni, esklużjoni jew preferenza kif intqal qabel tista' titlob lill-Kummissjoni dwar l-Impiegi, b'dak il-mod u f'dak iż-żmien li jista' jiġi preskritt, għar-rimedju.
(10) Il-Parlament għandu jipprovdi biex jingħataw lill-Kummissjoni dwar l-Impiegi dawk is-setgħat li jkunu meħtieġa jew mixtieqa sabiex il-Kummissjoni tkun tista' effikaċement tagħti rimedju xieraq u b'mod ġenerali biex taqdi l-funzjonijiet tagħha taħt din il-Kostituzzjoni.
Setgħat u proċedura ta' Kummissjonijiet. (art. 121)
[edit]121. (1) Kull Kummissjoni mwaqqfa b'din il-Kostituzzjoni tista', bil-kunsens tal-Prim Ministru jew ta' dak il-Ministru l-ieħor li jista' jkun awtorizzat għal hekk mill-Prim Ministru, b'regolament jew xort'oħra tirregola l-proċedura tagħha stess u tagħti setgħat u timponi dmirijiet fuq kull uffiċjal pubbliku jew awtorità tal-Gvern ta' Malta għall-fini tal-qadi tal-funzjonijiet tagħha.
(2) Kull Kummissjoni mwaqqfa b'din il-Kostituzzjoni tista' taġixxi nonostanti kull vakanza fost il-membri tagħha jew l-assenza ta' xi membru u kull proċedura tagħha tkun valida għalkemm xi persuna li ma kellhiex dritt tagħmel hekk tkun ħadet parti fiha.
(3) Kull kwistjoni mressqa għal deċiżjoni f'xi laqgħa ta' xi Kummissjoni mwaqqfa b'din il-Kostituzzjoni għandha tiġi deċiża b'maġġoranza tal-voti tal-membri kollha tagħha, u jekk fuq xi kwistjoni bħal dik il-voti jkunu maqsuma ndaqs il-membru li jkun jippresjedi għandu jkollu u għandu jeżerċita vot deċiżiv.
(4) Għall-finijiet tas-subartikolu (3) ta' dan l-artikolu, ir-riferenzi għal membru tal-Kummissjoni Elettorali għandhom jiftehmu bħala li jinkludu riferenza għaċ-Chairman ta' dik il-Kummissjoni.
(5) Id-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu għandhom jgħoddu għall-Awtorità dwar ix-Xandir imwaqqfa b'din il-Kostituzzjoni.
Riżenji. (art. 122)
[edit]122. (1) Kull min ikun maħtur, elett jew xort'oħra magħżul għal xi kariga mwaqqfa b'din il-Kostituzzjoni (magħduda l-kariga ta' Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari) jista' jirriżenja minn dik il-kariga b'kitba minn taħt idejh indirizzata lill-persuna jew awtorità li minnha kien maħtur, elett jew magħżul.
(2) Ir-riżenja ta' xi persuna minn xi kariga bħal dik kif intqal qabel tibda sseħħ meta l-kitba li turi r-riżenja tiġi riċevuta mill-persuna jew awtorità li lilha tkun indirizzata jew minn xi persuna awtorizzata minn dik il-persuna jew awtorità biex tirċeviha.
Ħatriet mill-ġdid, eċċ. (art. 123)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.61; XXIII. 1989.8; XVII. 1997.4.
123. (1) Salv kif mod ieħor provdut f'din il-Kostituzzjoni, meta xi persuna tkun ivvakat xi kariga mwaqqfa b'din il-Kostituzzjoni magħduda l-kariga ta' Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari, hija tista', jekk kwalifikata, terġa tiġi maħtura, eletta jew xort'oħra magħżula biex iżżomm dik il-kariga skont id-disposizzjonijiet ta' din il-Kostituzzjoni.
(2) Is-subartikolu (1) ta' dan l-artikolu ma għandux japplika għall-kariga ta' President, iżda għandu japplika għal persuna li tkun inħatret sabiex taqdi l-funzjonijiet ta' President skont l-artikolu 49 tal-Kostituzzjoni.
(3) Meta b'din il-Kostituzzjoni hija mogħtija setgħa lil xi persuna jew awtorità li tagħmel xi ħatra għal xi kariga pubblika, persuna tista' tiġi maħtura għal dik il-kariga għalkemm xi persuna oħra jista' jkollha dik il-kariga, meta dik il-persuna l-oħra tkun bil-permess ta' assenza qabel tluq mill-kariga; u meta żewġ persuni jew iżjed ikollhom l-istess kariga minħabba f'ħatra magħmula bis-saħħa ta' dan is-subartikolu, f'dak il-każ għall-finijiet ta' xi funzjoni mogħtija lid-detentur ta' dik il-kariga l-persuna li tkun maħtura l-aħħar għandha titqies li tkun l-unika detentriċi tal-kariga.
Tifsir. (art. 124)
[edit]- Emendat: LVIII. 1974.62; XXIX. 1979.2; XVII. 1997.5.
124.* (1) F'din il-Kostituzzjoni, kemm-il darba r-rabta tal-kliem ma teħtiegx xort'oħra -
- "Att tal-Parlament" tfisser liġi magħmula mill-Parlament;
- "il-Commonwealth" tfisser Malta, kull pajjiż li għalih l-artikolu 23 ta' din il-Kostituzzjoni jgħodd u kull dipendenza ta' xi pajjiż bħal dak;
- "il-Fond Konsolidat" tfisser il-Fond Konsolidat imwaqqaf bl-artikolu 102 ta' din il-Kostituzzjoni;
- "Gazzetta" tfisser il-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta jew kull ġurnal uffiċjali ieħor sostitwit għaliha pubblikat b'ordni tal-Gvern ta' Malta;
- "ġurament ta' lealtà" tfisser il-ġurament ta' lealtà muri fit-Tielet Skeda li tinsab ma' din il-Kostituzzjoni jew dak il-ġurament l-ieħor li jista' jkun preskritt mill-Parlament;
- "il-ġurnata stabbilita" tfisser il-21 ta' Settembru 1964;
- "il-Kabinett" tfisser il-Kabinett imwaqqaf bl-artikolu 79 ta' din il-Kostituzzjoni;
- "Kamra" tfisser il-Kamra tad-Deputati mwaqqfa bl-artikolu 51 ta' din il-Kostituzzjoni;
- "kariga pubblika" tfisser kariga bi ħlas fis-servizz pubbliku;
- "liġi" tinkludi kull dokument li jkollu l-forza ta' liġi u kull regola ta' liġi mhux miktuba u "skont il-liġi" u "legalment" għandhom jiftehmu skont hekk;
- "Malta" tfisser il-Gżira ta' Malta, il-Gżira ta' Għawdex u l-gżejjer l-oħra tal-Arċipelagu Malti, magħduda l-ibħra territorjali tagħhom;
- "Parlament" tfisser il-Parlament ta' Malta;
- "Qorti Kostituzzjonali" tfisser il-Qorti Kostituzzjonali mwaqqfa bl-artikolu 95 ta' din il-Kostituzzjoni;
- "seduta" tfisser perijodu li matulu l-Kamra tad-Deputati tkun f'seduta kontinwa mingħajr aġġornament u tinkludi kull perijodu li matulu l-Kamra tkun f'kumitat;
- "sena finanzjarja" tfisser il-perjodu ta' tnax-il xahar li jtemmu fil-wieħed u tletin ġurnata ta' Diċembru ta' xi sena jew f'dik id-data l-oħra kif jista' jkun preskritt mill-Parlament;
- "is-servizz pubbliku" tfisser, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (2) u (3) ta' dan l-artikolu, is-servizz tal-Gvern ta' Malta f'kariga ċivili;
- "sessjoni" tfisser is-seduti tal-Kamra tad-Deputati li jibdew meta tiltaqa' l-ewwel darba wara li tibda sseħħ din il-Kostituzzjoni jew wara l-proroga jew xoljiment tal-Parlament f'kull żmien u jispiċċaw meta l-Parlament jiġi prorogat jew xolt mingħajr ma jkun ġie prorogat;
- "l-iSpeaker" u "id-Deputy Speaker" ifissru rispettivament l-iSpeaker u d-Deputy Speaker eletti skont l-artikolu 59 ta' din il-Kostituzzjoni;
- "uffiċjal pubbliku" tfisser id-detentur ta' xi kariga pubblika jew persuna maħtura biex taġixxi f'xi kariga bħal dik.
(2) F'din il-Kostituzzjoni, kemm-il darba r-rabta tal-kliem ma tfissirx xort'oħra, "is-servizz pubbliku" tinkludi servizz fil-kariga ta' mħallef tal-Qrati Superjuri, servizz fil-kariga ta' Awditur Ġenerali u Deputat Awditur Ġenerali, servizz fil-kariga ta' maġistrat tal-Qrati Inferjuri u servizz fil-kariga ta' membru fil-Korp tal-Pulizija ta' Malta.
(3) F'din il-Kostituzzjoni "is-servizz pubbliku" ma tinkludix servizz fil-kariga ta' -
- (i) Prim Ministru jew Ministru ieħor, Segretarju Parlamentari, Speaker, Deputy Speaker, membru tal-Kamra tad-Deputati, membru ta' Kummissjoni mwaqqfa b'din il-Kostituzzjoni;
- (ii) ħlief meta d-detentur tal-kariga jkun magħżul mis-servizz pubbliku, Ambaxxatur, Kummissarju Għoli jew rappreżentant ieħor prinċipali ta' Malta f'xi pajjiż ieħor; jew
- (iii) ħlief safejn jista' jkun preskritt mill-Parlament, membru ta' xi kunsill, bord, lista, kumitat jew korp ieħor simili mwaqqaf bi jew skont xi liġi.
(4) Għall-finijiet ta' din il-Kostituzzjoni persuna ma għandhiex titqies li jkollha kariga pubblika minħabba biss il-fatt li tkun qed tirċievi pensjoni jew allowance ieħor bħalha dwar servizz pubbliku.
(5) F'din il-Kostituzzjoni, kemm-il darba r-rabta tal-kliem ma teħtieġx xort'oħra -
- (a) riferenza għal ħatra f'xi kariga għandha tiftiehem bħala li tinkludi riferenza għal ħatra bi promozzjoni jew trasferiment għal dik il-kariga u għall-ħatra ta' persuna biex taqdi funzjonijiet ta' dik il-kariga matul xi perijodu li tkun vakanti jew li matulu d-detentur tagħha ikun bil-vaganzi jew ma jkunx jista' (sew minħabba assenza jew mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jaqdi dawk il-funzjonijiet; u
- (b) riferenza għad-detentur ta' kariga bl-isem li jispeċifika l-kariga tiegħu jew b'riferenza għad-disposizzjoni ta' din il-Kostituzzjoni li twaqqaf dik il-kariga għandha tiftiehem li tinkludi riferenza għal kull persuna li għal dak iż-żmien tkun taqdi skont il-liġi l-funzjonijiet ta' dik il-kariga.
(6) Meta hija mogħtija setgħa b'din il-Kostituzzjoni lil xi persuna jew awtorità li taħtar xi persuna biex taġixxi fi jew taqdi l-funzjonijiet ta' xi kariga jekk id-detentur tagħha jkun huwa stess inkapaċi li jaqdi dawk il-funzjonijiet, ebda ħatra bħal dik ma għandha tiġi attakkata għar-raġuni li d-detentur tal-kariga ma kienx inkapaċi li jaqdi dawk il-funzjonijiet.
(7) Riferenzi f'din il-Kostituzzjoni għas-setgħa ta' tneħħija ta' uffiċjal pubbliku mill-kariga tiegħu għandhom jiftehmu bħala li jinkludu riferenzi għal kull setgħa mogħtija b'xi liġi li teħtieġ jew tippermetti lil dak l-uffiċjal li jirtira mis-servizz pubbliku:
Iżda -
- (a) ebda ħaġa f'dan is-subartikolu ma għandha tiftiehem bħala li tagħti lil xi persuna jew awtorità setgħa li teħtieġ xi persuna li jkollha xi waħda mill-karigi msemmija fl-artikoli 91, 95(6), 100 jew 108(1) jew (9) ta' din il-Kostituzzjoni li tirtira mis-servizz pubbliku; u
- (b) id-disposizzjonijiet ta' dan is-subartikolu ma għandhomx jgħoddu għal xi setgħa mogħtija b'xi liġi li tippermetti persuna li tirtira mis-servizz pubbliku meta dik il-persuna tkun talbet permess biex tirtira misservizz pubbliku għal raġunijiet mediċi pprovati.
(8) Kull disposizzjoni f'din il-Kostituzzjoni li tagħti lil xi persuna jew awtorità setgħa ta' tneħħija ta' xi uffiċjal pubbliku mill-kariga tiegħu tkun mingħajr ħsara għas-setgħa ta' xi persuna jew awtorità li tabolixxi xi kariga jew għal xi liġi li tipprovdi għall-irtir obbligatorju ta' uffiċjali pubbliċi b'mod ġenerali jew xi klassi ta' uffiċjali pubbliċi meta jagħlqu l-età speċifikata fiha.
(9) Meta xi setgħa hija mogħtija b'din il-Kostituzzjoni għall-egħmil ta' xi proklama, ordni, regoli jew regolamenti jew għall-għoti ta' xi direttivi jew għall-egħmil ta' xi nomina, is-setgħa għandha tiftiehem bħala li tinkludi setgħa, eżerċitabbli bl-istess mod, biex temenda jew tħassar xi proklama, ordni, regoli, regolamenti, direttivi jew nomina bħal dawk.
(10) Ebda disposizzjoni ta' din il-Kostituzzjoni illi xi persuna jew awtorità ma tkunx suġġetta għad-direzzjoni jew kontroll minn xi persuna jew awtorità oħra fl-eżerċizzju ta' xi funzjonijiet skont din il-Kostituzzjoni ma għandha tiftiehem bħala li tipprekludi qorti milli teżerċita ġurisdizzjoni dwar xi kwistjoni jekk dik il-persuna jew awtorità tkunx qdiet dawk il-funzjonijiet skont din il-Kostituzzjoni jew xi liġi oħra.
(11) Meta persuna hija meħtieġa b'din il-Kostituzzjoni li tieħu ġurament hija tkun tista', jekk tkun hekk tixtieq, tħares dik il-ħtieġa billi tagħmel dikjarazzjoni.
(12) Kull riferenza f'din il-Kostituzzjoni għal liġi magħmula qabel ma tibda sseħħ din il-Kostituzzjoni għandha, kemm-il darba r-rabta tal-kliem ma teħtieġx xort'oħra, tiftiehem bħala riferenza għal dik il-liġi kif tkun isseħħ minnufih qabel il-ġurnata stabbilita.
(13) Kull riferenza f'din il-Kostituzzjoni għal liġi li temenda jew tissostitwixxi xi liġi oħra għandha tiftiehem li tinkludi riferenza għal liġi li timmodifika, toħroġ b'liġi mill-ġdid, b'emenda jew modifika jew mingħajrhom, jew tagħmel disposizzjonijiet differenti minflok dik il-liġi l-oħra.
(14) Meta l-Parlament ikun b'liġi ipprovda għall-interpretazzjoni ta' Atti tal-Parlament, id-disposizzjonijiet ta' kull liġi bħal dik, ukoll jekk imfissra li jgħoddu għal liġijiet mgħoddija wara l-bidu fis-seħħ tagħha, għandhom igħoddu għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta' din il-Kostituzzjoni, u xort'oħra relattivament għaliha, kif igħoddu għall-fini tal-interpretazzjoni u xort'oħra relattivament għal Atti tal-Parlament bħallikieku din il-Kostituzzjoni kienet Att tal-Parlament mgħoddi wara l-bidu fis-seħħ ta' kull liġi bħal dik:
Iżda, sa dak iż-żmien li l-Parlament ikun ipprovda kif intqal qabel, il-liġi li tgħodd għall-interpretazzjoni ta' din il-Kostituzzjoni u xort'oħra relattivament għaliha tkun il-liġi li kienet tgħodd għal hekk fil-ġurnata stabbilita.
SKEDI LI JINSABU MAL-KOSTITUZZJONI
[edit]L-EWWEL SKEDA - (Artikolu 47(7))
[edit]- Kodiċi Kriminali (Kapitolu 9)
- Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija (Kapitolu 10)
- Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kapitolu 12)
- Kodiċi tal-Kummerċ (Kapitolu 13)
- Kodiċi Ċivili (Kapitolu 16)
IT-TIENI SKEDA - Ġuramenti ta' Kariga (Artikoli 50 u 89)
[edit]- Sostitwita: LVIII. 1974.63.
(a) Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta' President.
[edit]Jiena ..............................................., solennement naħlef/niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta' President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta' Malta, u li, skont l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta' Malta. (Hekk Alla jgħini).
(b) Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta' Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
[edit]Jiena ................................................ solennement naħlef/niddikjara li naqdi fedelment u skont il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skont il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta' Malta, mingħajr biża' jew favur. (Hekk Alla jgħini).
IT-TIELET SKEDA - Ġurament ta' Lealtà (Artikolu 124(1))
[edit]- Miżjuda: LVIII.1974.64.
Jiena ................................................ solennement naħlef/niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r-Repubblika ta' Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
IR-RABA' SKEDA - Elenku ta' Pajjiżi tal-Commonwealth minbarra Malta (Artikolu 23)
[edit]- Miżjuda: XXIII. 1989.9. Emendata: Proklama II tal-1990; Proklama VI tal-1990; Proklama IV tal-1995; Proklama III tal-1996; III.2000.6.
- Afrika ta' Isfel
- Antigua u Barbuda
- Awstralja
- Bahamas
- Bangladesh
- Barbados
- Belize
- Botswana
- Brunei Darussalam
- Ċipru
- Dominica
- Il-Gambia
- Ghana
- Grenada
- Guyana
- Indja
- Jamaica
- Kameroon
- Kanada
- Kenya
- Kiribati
- Lesotho
- Malawi
- Malaysia
- Maldives
- Mauritius
- Mozambique
- Namibia
- Nauru
- New Zealand
- Nigerja
- Pakistan
- Papua New Guinea
- Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u Kolonji
- St. Kitts u Nevis
- St. Lucia
- St. Vincent u l-Grenadines
- Seychelles
- Sierra Leone
- Singapore
- Solomon Islands
- Sri Lanka
- Swaziland
- Tanzania
- Tonga
- Trinidad u Tobago
- Tuvalu
- Uganda
- Vanuatu
- Western Samoa
- Zambja
- Zimbabwe.
Footnotes
[edit]- ↑ Ara L-Ordni tat-2 ta' Settembru, 1964 dwar l-Indipendenza ta' Malta.
- ↑ Dan l-Att issostitwixxa l-Att tal-1970 dwar l-Estradizzjoni (Pajjiżi tal-Commonwealth)
- ↑ Ara l-artikolu 5 tal-Att XIII tal-2001.
- ↑ Is-subartikolu (4) ta' dan l-artikolu ġie ommess għaliex kellu l-effett tiegħu.
- ↑ Ir-riferenza għas-subartikolu (4) tal-artikolu 48 ġiet imħollija barra billi dak is-subartikolu ġie ommess.